L-Ombudsman laqa’ d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell li nħarġet nhar it-tletin ta’ Settembru, biex tifel li twieled bejn sema u ilma jkun reġistrat hawn Malta.
Innota wkoll li l-liġi attwali mhix ċara dwar fejn għandhom ikunu reġistrati trabi li jitwieldu bejn sema u ilma u rrakkomanda li din tkun aġġornata.
L-omm Somala welldet fuq dgħajsa b’70 immigrant irregolari abbord, liema dgħajsa eventwalment għerqet. L-omm u t-tarbija kienu salvati mill-Forzi Aramti ta’ Malta u ttieħdu abbord vapur Russu.
Peress li l-immigranti ma setgħux ikunu trasferiti fuq id-dgħajsa tal-Forzi Armati ta’ Malta minħabba l-maltemp, il-bastiment Russu kien awtorizzat jidħol fil-port f’Malta, fejn l-omm u t-tarbija ddaħħlu u ngħataw protessjoni umanitarja. L-Ombudsman innota d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell, ċioe li t-tarbija għandha dritt fundmanetali tkun irreġistrata u jkollha nazzjonalità.