Għadhom kemm intemmu l-Olimpjadi tal-2016 li saru f’Rio. Inħobb insegwi diversi dixxiplini sportivi, speċjalment f’kompetizzjoni internazzjonali bħal dik li għadha kif intemmet f’Rio. Nammira l-isportivi kollha li daħlu f’din il-kompetizzjoni. Is-sagrifiċċju u d-determinazzjoni tagħhom għandha sservi t’ispirazzjoni għal kulħadd.
Waqt li kont qed nara atleti barranin, segwejt ukoll l-andament tal-atleti Maltin. Sfortunatament ir-riżultat kien wieħed negattiv u jkun għaqli li kieku wieħed janalizza għaliex kellna prestazzjoni diżappuntanti. Filwaqt li nifhem li l-possibilta’ li nirbħu midalja kienet remota ħafna, dan ma jfissirx li m’għandniex nevalwaw ir-riżultat li ksibna, l-istrateġiji u l-investimenti sportivi li qed nagħmlu.
Wasal iż-żmien li nħarsu b’lenti aktar wiesa’ lejn id-dixxiplini sportivi lokali u ninvestu fihom bis-serjeta’. Nemmen li għandna potenzjal f’oqsma bħal fl-isport tal-baħar. Per eżempju kont qed nara s-sailing…possibbli m’aħniex kapaci ninvestu f’atleti għal dan l-isport? L-istess fir-rowing…nagħmlu avvenimenti nazzjonali bħar-regatta, f’port bil-mewg u kurrenti, allura ma nistgħux inħejju atleti li jaqdfu opra f’għadira? Waterpolo, ghawm, ċikliżmu u beach-volley huma dixxiplini oħra li, b’attenzjoni u investiment xieraq, jistgħu jgħatuna sodisfazzjon. Dan mingħajr ma nneħħi l-mertu u s-sagrifiċċji tal-atleti li rrappreżentaw lil pajjiżna matul din l-edizzjoni u fis-snin li għaddew.
L-isport huwa sabiħ għax iżommok attiv u f’saħħtek. Pero, f’logħob kompetittiv irridu nibdew nirraġunaw b’moħħ kompetittiv u ambizzjuż. Veru li d-daqs tal-pajjiż huwa ta’ żvantaġġ, iżda t-tgħalim tad-dixxiplina sportiva huwa l-istess madwar id-dinja. L-atleti, flimkien mal-amministraturi jridu jagħtu appoġġ lil xulxin, ikunu dedikati u lesti għas-sagrifiċċji. Irridu nsiru aktar professjonali f’dak li nagħmlu u nneħħu n-nuqqas ta’ fiduċja fil-kapaċitajiet tagħna. Kulħadd irid jiġbed ħabel wieħed sabiex nimmassimizzaw it-talenti tagħna.
Mingħajr rieda li nitjiebu, nistgħu ma nikkompetu xejn u nibqgħu nieħdu gost bejnietna.