Ix-xena sportiva fl-2024 kienet iddominata mill-Olimpjadi u l-Kampjonat Ewropew tal-futbol.
Il-Kampjonat Ewropew li sar fil-Ġermanja din is-sena seraq l-aħbarijiet sportivi tad-dinja kollha, meta r-rebbieħa Spanja għelbu lit-tim nazzjonali Ingliż bl-iskor ta’ 2-1. B’hekk Spanja saru r-rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni għar-raba’ darba, u kienet it-tieni finali mitlufa mill-Ingliżi b’mod konsekuttiva.
Fl-istess żmien, l-Arġentina rebħu l-Copa América bl-iskor ta’ 1-0 kontra t-tim nazzjonali Kolombjan, biex b’hekk rebħu s-16-il titlu tagħhom ta’ din il-kompetizzjoni.

Mill-kampjonati domestiċi tal-futbol, Manchester City fl-Ingilterra rebħu l-kampjonat Ingliż għar-raba’ darba konsekuttivament, filwaqt li fl-Italja, l-Inter rebħu l-kampjonat għall-għoxrin darba fl-istorja tagħhom, Fil-Ġermanja, Bayern Leverkusen ħasdu kampjonat sħiħ meta rebħu l-kampjonat għall-ewwel darba.
Fis-sajf, għajnejn id-dilettanti sportivi kienu fuq Pariġi, bil-logħob tal-Olimpjadi. Fl-ewwel post ġew l-Istati Uniti, fit-tieni post ġew iċ-Ċina u fit-tielet post spiċċaw il-Ġappun.
L-għawwiema Ċiniża Zhang Yufei kisbet l-akbar ammont ta’ midalji, b’total ta’ 6 midalji – 5 midalji tal-bronż, u waħda tal-fidda. L-Iżvediż Armand Duplantis kiser ir-rekord dinji tiegħu nnifsu fil-pole vault meta qabeż għolja ta’ sitt metri u 25 ċentimetru.
Ix-xena tat-tennis ukoll rat isem ġdid jitla fin-numru wieħed tar-rankings dinjin, hekk kif din is-sena, it-Taljan Jannik Sinner kiseb l-attenzjoni sportiva kollha meta rebaħ l-Open tal-Awstralja f’Jannar, l-Open tal-Istati Uniti f’Settembru, u l-ATP Finals f’Turin f’Novembru.
Mid-dinja tal-karozzi u l-muturi, is-sewwieq Olandiż ta’ Red Bull Max Verstappen għamilhom erba’ kampjonati b’mod konsekuttiv. Min-naħa ta’ kostrutturi, it-team Ingliż ta’ McLaren rebħu dan it-titlu wara 26 sena. Min-naħa l-oħra, mix-xena tal-MotoGP, is-sewwieq Spanjol Jorge Martin rebaħ għall-ewwel darba dan it-titlu.