Il-logħob tal-Olimpjadi fil-Ġappun se jsiru mingħajr spettaturi, wara żieda fl-infezzjonijiet tal-Coronavirus.
Dan ħabbritu l-Ministru responsabbli mil-Logħob Olimpiku, Tamayo Marukawa, wara diskussjonijiet mal-uffiċjali u l-organizzaturi l-Ħamis filgħaxija.
Sakemm jintlagħab il-logħob, Tokyo se jkun hemm fi stat ta’ emerġenza bil-għan li jitrażżan it-tifrix tal-infezzjonijiet.
Il-Prim Ministru Yoshihide Suga qal lill-ġurnalisti li l-istat t’emerġenza se jdum fis-seħħ mit-tnax ta’ Lulju sat-tnejn u għoxrin t’Awwissu.
Il-bars u r-ristoranti mhux se jitħallew iservu alkoħol u jridu jagħlqu sat-tmienja ta’ filgħaxija.
L-infezzjonijiet tal-virus f’Tokyo qed jiżdiedu u fl-aħħar jiem kien hemm diversi appelli biex l-Olimpjadi jitħassru jew jiġu posposti.