Duncan Laurence huwa l-artist Olandiż li rebaħ il-Eurovision f’isem l-Olanda wara prestazzjoni li niżlet tajjeb mas-segwaċi. Malta kklassifikat fis-16-il post wara li ngħatat 20 punt biss mis-segwaċi fejn fit-tieni post ikklassifikat l-Italja bil-kanzunetta Soldi u fit-tielet post ikklassifikat ir-Russja bil-kanzunetta Scream.
Il-kanzunetta ta’ Laurence kienet mill-bidu nett fost il-favoriti li tirbaħ il-Eurovision Song Contest. Filfatt minn mindu l-kanzunetta tiegħu ‘Arcade’ ħarġet, id-djar tal-imħatri poġġewha fl-ewwel post u sal-lejla stess kellha vantaġġ tajjeb fuq il-pajjiżi l-oħra, tant li rebħet il-Eurovision wara li kisbet l-aktar punti.
Fi tweet il-Prim Ministru Joseph Muscat ta ħajr lil Michela għall-prestazzjoni eċċezzjonali li tat f’Tel Aviv.
Well played just the same @MichelaMusic -JM #Eurovision
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) May 18, 2019
Fit-tieni semi-finali Malta kklassifikat fit-tmien post bl-Olanda kklassifikat l-ewwel u l-Maċedonja ta’ Fuq ikklassifikat fit-tieni post.
Intant rappreżentant tal-Eurovision Song Contest sostna li waqt il-prestazzjoni tal-kantanta ta’ fama mondjali, Madonna, uħud miż-żeffiena tagħha kellhom il-bandiera tal-Palestina u l-Iżrael. Liema bnadar ma kinux hemm waqt il-provi ta’ qabel, fejn dawn intużaw għall-finali mingħajr l-approvazzjoni tal-bord tal-Eurovision hekk kif Madonna kienet imwissija minn qabel li mhux sippost jintużaw messaġġi politiċi.
Fuq nota simili l-Islanda jaf taffaċċja piena ħarxa wara li r-rappreżentanti tal-pajjiż ippromwovu l-bandiera tal-Palestina meta ngħataw il-punti bil-bord tal-Eurovision isostni li jaf jaffaċċjaw konsegwenzi ħorox wara dan l-att.