L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) organizzat diskussjoni nazzjonali dwar ir-riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol, fejn laqqgħet flimkien esperti u rappreżentanti minn diversi oqsma tas-soċjetà – fosthom dawk li jfasslu l-politika, istituzzjonijiet edukattivi, min iħaddem, trejdjunjins u msieħba soċjali oħra. Din il-laqgħa, magħrufa bħala round table, saret b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, u kienet ukoll okkażjoni biex jitfakkar il-Jum Internazzjonali tas-Saħħa u s-Sigurtà.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, l-Onor. Jonathan Attard, indirizza l-attività flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Dr Josianne Cutajar. It-tnejn saħqu fuq l-importanza li l-post tax-xogħol joffri mhux biss sigurtà fiżika iżda wkoll ambjent b’sostenn psikoloġiku. Dr Cutajar enfasizzat l-impenn tal-awtorità biex tindirizza b’mod attiv u strutturat ir-riskji psikosoċjali li qed jiffaċċjaw il-ħaddiema f’Malta.

Il-lettur universitarju Dr Luke Fiorini ppreżenta sejbiet mir-riċerka tiegħu dwar l-effetti u l-kawżi ta’ stress psikosoċjali fil-post tax-xogħol, li wasslu għal diskussjoni miftuħa u sinifikanti fost dawk preżenti. Il-Ministru Attard saħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ l-impenn kollettiv sabiex jinħolqu ambjenti tax-xogħol li jappoġġjaw u jimmotivaw lill-impjegati. Huwa fakkar ukoll li t-tradizzjoni li tingħata l-attenzjoni primarja lis-sigurtà fiżika trid tiġi estiża biex tinkludi wkoll l-benesseri mentali u emozzjonali tal-ħaddiema. Żied jgħid li r-riskji psikosoċjali għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ edukazzjoni, taħriġ u sensibilizzazzjoni – kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-impjegaturi – u li jekk il-qafas regolatorju juri xi lakuni, għandhom jittieħdu l-passi neċessarji biex dan jissaħħaħ.
Dr Cutajar spjegat li l-Att dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol jagħti wkoll mandat ċar biex tinħoloq pjattaforma għad-djalogu u l-kollaborazzjoni fuq suġġetti bħal dawn. Hija saħqet li hemm bżonn urġenti li nħarsu b’mod serju lejn il-fenomenu dejjem jikber ta’ problemi ta’ saħħa mentali marbuta max-xogħol, u għalhekk l-OHSA laqqgħet esperti minn diversi setturi sabiex tifhem aħjar kemm hi serja l-problema fil-kuntest Malti, x’tip ta’ servizzi huma disponibbli, x’inhuma l-projezzjonijiet għall-futur, u x’passi jistgħu jittieħdu biex din il-problema tiġi indirizzata.
Ir-round table kellha diskussjoni estensiva u strutturata li qiegħdet l-attenzjoni fuq aspetti kruċjali tas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol. Fost oħrajn, ġew diskussi l-frekwenza u d-demografija tal-ilmenti ta’ stress psikosoċjali, is-setturi l-aktar f’riskju, kif ukoll is-sintomi u l-kawżi ewlenin bħal ammonti eċċessivi ta’ xogħol, skedi diffiċli, stili ta’ ġestjoni stressanti u sfidi personali jew professjonali li ħaddiema jġorru magħhom fuq il-post tax-xogħol.

Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA enfasizzat li għandhom jiġu żviluppati miżuri ta’ sapport għall-ħaddiema u għall-impjegaturi, b’attenzjoni partikolari għal intrapriżi żgħar li spiss ma jkunux imħarrġa jew mgħammra biżżejjed biex jindirizzaw dawn it-tip ta’ riskji. Dr Cutajar qalet ukoll li għandha tingħata aktar attenzjoni lil formazzjonijiet futuri tal-workforce, speċjalment f’dawk l-impjegati b’disabbiltajiet relatati mat-tagħlim, li jeħtieġu appoġġ speċifiku sa minn żmien l-iskola sabiex l-integrazzjoni tagħhom fil-ħajja tax-xogħol tkun iktar b’saħħitha.
Fl-aħħar nett, Dr Cutajar qalet li s-saħħa mentali hija suġġett kumpless u li mhux biss huwa affettwat mill-fatturi tax-xogħol iżda wkoll minn bidliet soċjali u minn influwenzi barranin, bħal pressjonijiet biex tiżdied il-produttività u titla’ l-kwalità tax-xogħol – pressjonijiet li mhux dejjem jistgħu jiġu kkontrollati faċilment. Hija żiedet li huwa fundamentali li l-għarfien dwar ir-riskji psikosoċjali jibda minn età żgħira, biex b’hekk jiġu żviluppati programmi li jkabbru r-reżiljenza fit-tfal u jħejjuhom għal sfidi futuri.
Għal aktar informazzjoni dwar dan l-avveniment jew biex wieħed jitlob aċċess għall-midja, jista’ jikkuntattja lill-OHSA fuq: ohsa@ohsa.mt.