Permezz ta’ investiment mill-Gvern, f’Għawdex issa hemm preżenza tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, u mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, waqt żjara għand żewġ kumpaniji Għawdxin.
Hawnhekk, il-Ministru Attard enfasizza l-importanza tal-hub tal-OHSA u stqarr li dan jirrappreżenta pass importanti ’l quddiem biex jiġu żgurati l-benesseri tal-ħaddiema madwar il-gżira.
“Il-preżenza permanenti tal-OHSA f’Għawdex ċertament se tkun qed ittejjeb l-effiċjenza operattiva ta’ din l-awtorità, li għandha funzjoni kruċjali li tipprevjeni kif ukoll tara, kemm jista’ jkun, ma jkunx hemm inċidenti.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Il-hub tal-OHSA se jservi bħala preżenza permanenti f’Għawdex u jagħmel is-servizzi tal-awtorità aktar aċċessibbli għall-komunità lokali, filwaqt li se jaċċerta aktar spezzjonijiet fil-postijiet tax-xogħol, b’mod speċjali f’siti ta’ kostruzzjoni, faċilitajiet ta’ inġinerija, uffiċċji, fabbriki u stabbilimenti oħra.

Dan bil-għan li tkompli tiġi promossa kultura ta’ prevenzjoni qabel ma jseħħu inċidenti.
Minbarra hekk, il-hub se jservi bħala punt ċentrali għall-immaniġġjar tal-ilmenti, inklużi dawk sottomessi permezz tal-helpline 138. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tagħti vuċi aktar b’saħħitha lill-ħaddiema u li l-ilmenti tagħhom jiġu ttrattati b’serjetà.
L-ispettorat se jkun responsabbli mill-assessjar inizjali, l-ippjanar tal-investigazzjonijiet u s-segwitu biex tkun żgurata riżoluzzjoni effettiva u f’waqtha.
Il-hub tal-OHSA se jiffaċilita wkoll il-ġbir ta’ dejta lokali, li se tkun strumentali fil-ħolqien ta’ kampanji mmirati li jkollhom impatt sinifikanti fuq ir-realtà tax-xogħol f’Għawdex.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Camilleri qal li din il-miżura hi konformi mal-viżjoni tal-Gvern li joffri servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja b’mod aktar aċċessibbli u effiċjenti għal kulħadd, inkluż għal dawk li jgħixu u jaħdmu f’Għawdex.
“Nemmen li kemm dawk li jaħdmu kif ukoll li jħaddmu se jkunu aktar viġilanti biex l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol jiġu minimizzati.”
Il-Ministru Clint Camilleri
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Josianne Cutajar, irringrazzjat lit-tim kollu fl-awtorità li ħadem fuq dan il-proġett li mhux biss se jkun qed itejjeb l-aċċess għall-Għawdxin, iżda se jkun qiegħed ifisser qabża ta’ kwalità fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà fuq kwalunkwe post tax-xogħol.