Fl-isfond tal-ittra mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil liċ-Chairperson tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) Dr Deo Debattista, ċ-Chairperson tal-OHSA, bagħat risposta lil Kap tal-Oppożizzjoni dwar it-tanker tal-LNG li jinsab Marsaxlokk.
F’din l-ittra, Dr Debattista informa lil Dr Busuttil li flimkien mal-entitajiet l-oħra li jiffurmaw parti mill-Awtorità Kompetenti taħt ir-regolamenti tal-2015 dwar il-Kontroll ta’ Perikli ta’ Inċidenti Kbar, l-OHSA qegħda twettaq l-obbligi u l-funzjonijiet kollha tagħha kif stabbiliti fl-istess regolamenti.
Iċ-Chairperson spjega li l-Awtorità Kompetenti, hija nkarigata wkoll li tevalwa u tikkomunika l-konklużjoni tal-eżami tar-rapporti sottomessi mill-operatur, liema proċess għadu għaddej kif ukoll li għandha l-obbligu li torganizza sistema adegwata ta’ spezzjonijiet meta jibda topera l-power station.
Fl-ittra ndirizzata lil Simon Busuttil, l-OHSA spjegat li fl-obbligu tagħha, kienet inkarigat espert barrani biex jassistiha fuq livell tekniku waqt l-evalwazzjoni tad-dokumentazzjoni kollha.
Dr Debattista qal li dawn id-dokumenti se jiġu ppublikati la darba jintemm il-proċess ta’ evalwazzjoni u jibda l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
“L-OHSA temmen li b’dan il-mod, se tkun qed tosserva l-prinċipji tat-trasparenza li huma mistennija minn kull Awtoritá pubblika u tassigura li l-qalba għall-gass se tkun qed issir bl-aktar mod effiċjenti u bil-miżuri kollha ta’ prevenzjoni u ta’ kontroll indikati” spjegat l-OHSA.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2016/10/12102016_scan_ittra-ohsa_drbusuttil.pdf”]