Is-sena li għaddiet, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, għamlet kważi erbat elef u erba’ mitt (4,387) żjara f’postijiet tax-xogħol, li sitta u sebgħin (76) fil-mija minnhom huma postijiet ta’ kostruzzjoni.
Fl-elfejn tnejn u għoxrin, l-OHSA ħarġet kważi ħames mija u tmenin (576) avviż biex isir titjib meħtieġ f’postijiet tax-xogħol.
Fl-istess waqt, inħarġu aktar minn sitt mija u sittin (662) avviż biex jieqaf ix-xogħol f’postijiet tax-xogħol fejn kien hemm periklu jew f’każ ta’ xogħol li ma kienx qed isir skont il-liġi.
Barra minn dan, inbdew mitejn u tmintax-il (218) proċedura legali f’każijiet fejn kien hemm ksur ta’ liġi.
Dawn il-figuri ħabbarhom il-Ministru responsabbli mill-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, waqt li l-Parlament kien qed jiddiskuti t-Tieni Qari tal-emenda għall-abbozz ta’ liġi li permezz tagħha uffiċjali tal-OHSA se jibdew ikunu parti minn inkjesti maġisterjali dwar inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li l-għan ta’ din l-emenda huwa li l-Awtorità tkun preżenti waqt is-smigħ tax-xhieda u li, permezz ta’ uffiċjali tagħha, tkun tista’ tagħmel id-domandi lix-xhieda biex tkun ta’ għajnuna waqt il-proċedura tal-inkjesta.
Huwa sostna li l-emenda mhux se tbiddel il-mod kif ikjinħatru u jitmexxew l-Inkjesti maġisterjali, iżda se jkun iggarantit li l-inkjesta jkollha għajnuna ta’ natura teknika permezz ta’ uffiċjali li jkunu preżenti fis-smigħ tax-xhieda.
Bħalissa s-sitwazzjoni hija li l-inkjesta maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-OHSA isiru indipendentement minn xulxin, xi ħaġa li tista’ twassal biex ikun hemm konklużjonijiet differenti.
Din l-emenda li qed jipproponi l-Gvern se tara wkoll li l-OHSA xorta tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha u r-rapporti ta’ dawn l-investigazzjonijiet iridu jiffurmaw parti mill-proċess verbali. Dan se jwassal għal sinerġija aktar b’saħħitha bejn l-inkjesta u l-indagni tal-Awtorità.
Din l-emenda se ttejjeb is-sitwazzjoni ta’ bħalissa, fejn jekk ikun hemm lok li jinħarġu akkużi kriminali dawn iridu jinħarġu mill-Pulizija u mhux mill-OHSA. L-akkużi se jibqgħu jinħarġu mill-Pulizija, imma din l-emenda se tagħti rwol aktar ċar lill-OHSA fl-inkjesta.