L-Awtoritá għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol wettqet ’il fuq minn 4,000 spezzjoni fuq diversi siti ta’ kostruzzjoni mill-bidu tas-sena l-oħra sal-aħħar t’Awwissu ta’ din is-sena.
One News tkellem mal-Kap eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol Dr Mark Guaci li saħaq li l-għadd ta’ spezzjonijiet turi r-rilevanza tal-Awtorità u kemm għadha qrib tal-ħaddiema.
“L-OHSA mhux involuta biss fis-settur tal-kostruzzjoni imma hija, jew, hija responsabbli biex tara li s-saħħa u s-sigurtà jkunu qegħdin jitħarsu għal kull ħaddiem hu x’inhu x-xogħol li jkun qed jagħmel. Dik il-figura mogħtija fil-parlament filfatt tirrifletti l-firxa wiesgħa ta’ spezzjonijiet li jkunu saru kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.”
Dr Gauci spjega li waqt li x-xogħol ta’ kostruzzjoni fih ħafna perikli, il-fatt li bosta drabi dan ikun post tax-xogħol mikxuf għall-pubbliku jżid l-ammont ta’ lmenti li jirċievu dwar irregolaritajiet.
“Fejn ma jkunux qed jittieħdu l-miżuri biex ma jħallux lill-persuni, jistgħu ikunu ħaddiema, jistgħu ikunu.. persuni oħrajn, ma jaqgħux mill-għoli għax ma jkunux ingħalqu dawn il-postijiet, hemm ukoll problemi assoċjati mal-użu ta’ inġenji, t’apparat. Imma wkoll huwa post assoċjat ma’ perikli għas-saħħa minħabba t-trabijiet, minħabba l-kimika li tkun qed tintuża.”
Innota li għalkemm żdiedu l-irregolaritajiet minħabba żieda fil-kostruzzjoni, madankollu l-ammont ta’ korrimenti għal kull mitt elf ħaddiem naqsu sew u għalhekk din tkompli turi kemm ix-xogħol ta’ kostruzzjoni f’pajjiżna qed isir iżjed sigur:
“Fil-fatt meta wieħed janalizza dawk ir-rati, isib li kemm in-numru ta’ fatalitajiet.. r-rata ta’ fatalitajiet kull mitt elf ħaddiem, kif ukoll ir-rata ta’ korrimenti kull mitt elf ħaddiem, naqsu minn sena waħda wara l-oħra u naqsu b’mod sostanzjali.”