Il-viżjoni għall-ġejjieni għas-servizz pubbliku, u l-mod kif din il-viżjoni se tissarraf f’servizz ta’ eċċellenza, se jiġu diskussi f’diversi sessjonijiet ta’ taħriġ waqt il-konferenza għall-ogħla uffiċjali pubbliċi. Din il-konferenza se ssir il-Ġimgħa li ġej, u biha tibda l-ġimgħa ddedikata għas-Servizz Pubbliku.
It-temi ewlenin li se jiġu diskussi tul dawn is-sessjonijiet huma:
- ‘Kif Nikkonvertu l-Istrateġija f’Riżultati’;
- ‘Id-Disinn tas-Servizz għas-Servizzi Pubbliċi’;
- ‘Ix-Xiri Pubbliku’, u ‘
- Il-Kwalità fis-Servizz Pubbliku’.
Is-sessjoni dwar ‘Kif Nikkonvertu l-Istrateġija f’Riżultati’ se titmexxa mill-Professur Prajapati Trivedi, li bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Direttur Anzjan fid-Direttorat għall-Ekonomija, iż-Żgħażagħ u s-Sostenibbiltà fi ħdan is-Segretarjat tal-Commonwealth f’Londra, fir-Renju Unit.
Klaus Schwarzenberger se jmexxi s-sessjoni dwar ‘Id-Disinn tas-Servizz għas-Servizzi Pubbliċi’. Is-Sur Schwarzenberger huwa imprenditur u inġinier tas-software, gradwat fis-sistemi tal-informatika u l-management. Huwa jgħix f’Innsbruck, l-Awstrija, u jagħti lectures f’diversi universitajiet dwar id-disinn tas-servizz u dwar l-immaniġġjar tal-proġetti.
It-taħriġ dwar ix-xiri pubbliku se titmexxa mis-Sur Oreste Cassar, Direttur fi ħdan id-Dipartiment tal-Kuntratti, u se tittratta dak li jrid ikompli jitwettaq wara r-riforma kbira li saret f’dawn l-aħħar snin fis-servizz pubbliku f’dan ir-rigward.
Joseph Bugeja, Direttur għall-Kwalità u Standards fi ħdan il-People & Standards Division, se jkun qed imexxi t-taħriġ dwar il-kwalità fis-servizz pubbliku.
Il-konferenza ta’ għada, mifruxa fuq jum sħiħ, se toffri opportunità siewja lill-ogħla uffiċjali pubbliċi biex jaqsmu l-ideat u l-esperjenzi tagħhom filwaqt li jiddiskutu t-twettiq tal-viżjoni tas-servizz pubbliku għal servizz ta’ eċċellenza. Il-konferenza se tkun indirizzata mill-Prim Ministru Joseph Muscat, mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, mill-Professur Prajapati Trivedi u mis-Sur Klaus Schwarzenberger.