Il-President George Vella faħħar lill-komunità Maltija fi New South Wales għall-impenn tagħha biex iżżomm l-identità Maltija ħajja. Hu ħeġġeġ lill-membri ta’ din il-komunità biex iżommu l-kuntatti bejniethom, anke permezz tal-midja soċjali.
Waqt attività mal-komunità Maltija ta’ New South Wales, il-President Vella rrimarka li din il-komunità hi attiva fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti tradizzjonali, l-aktar il-festi għeżież għall-Maltin.
Il-komunità Maltija tiċċelebra l-festa tal-Vitorja qrib il-Katidral ta’ Santa Marija fil-qalba ta’ Sydney, kif ukoll festi rinomati oħrajn bħall-Madonna Sultana tal-Paċi, San Gejtanu u San Nikola, fost oħrajn.
Il-President ħeġġeġ lill-komunità Maltija fl-Awstralja biex iżuru Malta regolarment u jġeddu l-għeruq tal-identità Maltija li wirtu mill-familji rispettivi tagħhom.
B’referenza għaż-żjara tiegħu fl-Awstralja, il-President qal li l-ġranet li għaddew kienu opportunità eċċellenti biex ikomplu jsaħħu r-relazzjonijiet mill-qrib ħafna u li ilhom għal żmien twil bejn Malta u l-Awstralja.
Il-President żied jgħid li d-dinjitarji kollha li ltaqa’ magħhom waqt iż-żjara rreferew għall-komunità Maltija fl-Awstralja bl-ogħla tifħir possibbli.
Akkumpanjat mill-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi u d-delegazzjoni tiegħu, il-President kellu wkoll laqgħa mal-Gvernatur ta’ New South Wales, Margaret Beazley.
Id-diskussjonijiet iffokaw fuq ir-rwol tad-dijaspora Maltija fi New South Wales u l-aċċess tagħha għall-edukazzjoni fis-snin ħamsin u sittin, il-prijoritajiet tal-komunità biex tippriserva l-lingwa u l-kultura Maltija, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi ddokumentata l-istorja tal-migrazzjoni tal-Maltin lejn l-Awstralja.
Saret referenza wkoll għal sfidi komuni bħat-tniġġis tal-baħar, it-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li l-enerġija rinnovabbli tieħu post il-fjuwils fossili.
Iż-żewġ partijiet iddiskutew ir-relevanza tal-Commonwealth fil-livell politiku u fl-edukazzjoni, kif ukoll ir-rwol ta’ Malta u l-Awstralja f’korpi internazzjonali u reġjonali.