Wara l-interess inkoraġġanti li kellha s-sena l-oħra, waħda mill-istituzzjonijiet privati għall-edukazzjoni avvanzata u ogħla fil-pajjiż qiegħda, għat-tieni sena konsekuttiva, tniedi Master’s internazzjonali fl-ikkowċjar sportiv. Dan huwa l-ogħla livell li fih qatt ġie offrut taħriġ akkademiku f’dan il-qasam.
L-istituzzjoni Learning Works qed toffri dan il-Master’s flimkien ma’ Liverpool John Moores University, università Ingliża li għadha kif ġiet imsemmija mill-Global QS Higher Education League bħala waħda mill-aqwa għaxar universitajiet fid-dinja għal suġġetti marbutin mal-isport.
Sitt kowċis Maltin diġà qed isegwu dan il-programm u bbenefikaw minn aktar għarfien dwar il-psikoloġija tal-isport, ir-relazzjonjiet soċjali, l-edukazzjoni tal-kowċis, u l-metodi tar-riċerka. Dawn l-istudenti-kowċis kellhom ukoll esperjenzi ta’ prattika bil-mentoring tal-istaff tal-Università Ingliża, u temmew jew qed jaħdmu fuq riċerka dwar il-kowċing.
One News tkellem ma’ Dr Bernice Sant, il-koordinatriċi tal-Master’s Internazzjonali fl-Ikkowċjar Sportiv.
“Dan il-kors jista’ jgħin lill-kowcis itejbu s-self-development tagħhom u anki, bħalma rajt fl-ewwel intake, kibru ħafna mentalment u fl-approach tagħhom. Dan jista’ jwassal għal karrieri aħjar fl-isport, li naf li żgur se jinftetħu within the coming weeks, months, and eventually years.”
L-applikanti jistgħu jagħżlu li jispiċċaw il-Master’s f’sena bħala full-timers jew f’sentejn bħala part-timers.
Matul l-istudji tagħhom il-parteċipanti jkollhom ukoll l-opportunita li jipprattikaw ma’ xi organizzazzjoni sportiva. Għal din ir-raġuni il-Learning Works u l-Liverpool John Moores University ilhom jaħdmu fil-qrib ma’ Sport Malta, mal-Malta Football Association, u mal-Kumitat Olimpiku Malti biex jinstabu opportunitajiet ta’ taħriġ prattiku għall-kowċis li qed isegwu dan il-programm.
“Sport Malta nsibuhom dejjem hemm, available, meta jkollna bżonn, eżempju, locations biex jintużaw għall-kors. Infatti, hawnhekk qegħdin Kirkop Sports Complex, eżempju, li użajnih għall-ewwel semester, meta jiġu hawn tal-Liverpool John Moores University.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar, qal li Sport Malta tappoġġja kwalunkwe inizjattiva biex f’pajjiżna jkollna aktar kowċis akkreditati.
“Sport Malta dejjem ħasset l-importanza li jkollha kowċis kwalifikati, sew fil-programmi tagħha kif ukoll fil-klabbs u l-assoċjazzjonijiet. Allura, kull inizjattiva sabiex ikollna kowċis akkreditati Sport Malta tilqagħha. Sport Malta tgħin, bla dubju ta’ xejn, lill-Università ta’ Malta biex torganizza l-courses tagħha, tgħin ukoll lill-MCAST fl-iżvilupp u anki fil-courses tagħha – tgħinhom ukoll fil-placements. U, wara kollox. tgħin ukoll istituzzjonijiet oħrajn privati li qed joħorġu b’inizjattivi ta’ courses tajbin ħafna, u allura Sport Malta tagħmel minn kollox biex taġevolahom sabiex dawn il-courses akkreditati jkomplu jgħinu biex il-livell tal-coaching ikompli jogħla għax, wara kollox, mingħajr kowċis kwalifikati l-prodott finali ma jkunx tajjeb.”