Il-Qorti Kostituzzjonali wissiet kontra proċeduri legali li jintużaw bħala dik li rreferiet għaliha bħala “fishing expedition”. Dan għamlitu f’appell minn sentenza ta’ każ li fetaħ Yorgen Fenech kontra l-awtoritajiet, primarjament il-Kummissarju tal-Pulizija u l-avukat tal-Istat.
Yorgen Fenech, li hu akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, talab li jkun hemm il-produzzjoni sħiħa tal-estrazzjoni tal-kontenut ta’ mowbajl ta’ Keith Schembri, għax sostna li din kienet prova meħtieġa għad-difiża tiegħu u biex jiġu pprovati allegazzjonijiet magħmula minnu.
Filwaqt li l-ewwel qorti, ippreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, laqgħet it-talba ta’ Fenech, il-Qorti Kostituzzjonali kellha fehma differenti u laqgħet l-appell li sar mill-Avukat tal-Istat.
Il-Qorti semmiet kif Yorgen Fenech ma tax indikazzjoni ta’ x’hemm f’dawn l-estrazzjonijiet li huwa tant relevanti u vitali għall-każ tiegħu, anke jekk seta’ indika li jaf x’fihom.
“Il-fatt li l-attur naqas milli jispjega x’inhi din l-informazzjoni, li huwa jgħid li hija relevanti, il-qorti tinsab fl-impossibbiltà li tiżen l-interess tal-appellant kontra l-interess pubbliku,” qalet il-Qorti. Għalhekk. iddikjarat li, għaldaqstant, ma setgħetx tintlaqa’ t-talba ta’ Yorgen Fenech.
Il-Qorti Kostituzzjonali hija preseduta minn tliet Imħallfin.