Il-Qorti tal-Appell ċaħdet it-talba tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil biex il l-Imħallef Antonio Mizzi jirrikuża lilu nnifsu milli jisma’ l-appelli li saru minn seba’ persuni fosthom mill-Prim Ministru kontra d-deċiżjoni tal-Maġistrat Ian Farrugia biex issir inkjesta oħra dwar allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus b’rabta mal-każ tal-Panama Papers.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Kostituzzjonali laqgħet l-appell li sar mill-Avukat Ġenerali minn deċiżjoni oħra tal-istess qorti li kienet laqgħet ir-rikors biex l-Imħallef Mizzi jirrikuża ruħu mill-kawża. Dan ifisser li l-Imħallef jista’ jisma’ l-każ.
Ir-rikors kien sar mill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil wara li l-Imħallef Mizzi kien irrifjuta milli jirrikuża ruħu.
L-eks kap Nazzjonalista kien talab ir-rikuża tal-Imħallef Mizzi minħabba li martu Marlene Mizzi hija membru tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista.
Fl-appell l-Avukat Ġenerali argumenta li Simon Busuttil ma setax jitqies bħala vittma fil-każ u li waqt li mart l-Imħallef Mizzi hija ewroparlamentari Laburista, l-imħallef kellu l-ideat, il-prinċipji u l-opinjonijiet tiegħu.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Kostituzzjonali qalet li Dr Busuttil ma kellu l-ebda dritt li jitlob ir-rikuża tal-imħallef Mizzi għax kif sostna l-Avukat Ġenerali, huwa mhux il-vittma fil-każ u għalhekk it-talba tiegħu għar-rikuża ma setgħetx tintlaqa’.
L-imħallef Mizzi dejjem sostna li hu qatt ma kien involut fil-politika u qatt ma kien membru mal-ebda partit politiku. Huwa dejjem sostna wkoll li qatt ma’ assoċja ruħu mal-fehmiet politiċi ta’ martu.
Intant wara li tilef il-kawża, l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil flimkien mad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li se jkun qiegħed jieħu l-każ quddiem il-Qorti ta’ Strasburgu.