Stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea juri li l-indiċi tal-fiduċja ekonomika matul ix-xahar li għadda laħqu l-ogħla livell qatt osservat f’pajjiżna fix-xahar ta’ Frar minn mindu bdew jinġabru dawn ir-riżultati xahar wara xahar mill-2002. L-istħarriġ, li sar fost 1,500 kumpanija u 1,000 familja fl-ewwel ġimgħatejn ta’ Frar, juri wkoll li f’Malta hawn l-ogħla livell ta’ ottimiżmu osservat fost il-pajjiżi taż-żona ewro.
Imqabbel mal-istess xahar fl-aħħar sena qabel il-bidla fil-Gvern fl-2013, l-ottimiżmu huwa 33% ogħla.
Il-familji f’pajjiżna baqgħu fost il-ftit fl-Ewropa li qed jgħidu li l-qagħda finanzjarja tagħhom se titjieb. Dawn il-familji Maltin iħossu li l-ekonomija kibret, tant li qed jistennew li l-qgħad se jkompli jonqos. Filwaqt li madwar l-Unjoni Ewropea jeżisti pessimiżmu fost il-konsumaturi, f’Malta hawn l-ogħla proporzjon ta’ persuni li qalu li bħalissa qiegħdin f’pożizzjoni li jagħmlu akkwisti relattivament kbar bis-saħħa tal-qagħda finanzjarja tajba tagħhom.
Fl-istħarriġ fost in-negozji, l-akbar ottimiżmu kompla jispikka fost l-operaturi fis-settur tas-servizzi f’pajjiżna, li jinkludu kumpaniji fis-settur finanzjarju u tal-gaming. Dawn għandhom livell ta’ kunfidenza kważi d-doppju tal-medja Ewropea.
Filwaqt li l-Oppożizzjoni tbeżża’ li hemm ħafna inċertezza f’dawn l-oqsma, mal-Kummissjoni Ewropea dawn in-negozji qalu eżatt l-oppost. Fil-fatt, ħafna operaturi fil-qasam tas-servizzi għandhom aspettattivi aħjar għax-xhur li ġejjin, minkejja li diġà marru tajjeb fix-xhur li għaddew. Dawn il-kumpaniji qed ibassru li se jkomplu jżidu l-ħaddiema fix-xhur li ġejjin.
Fil-qasam tar-retail, bosta operaturi qalu li qed jistennew żieda fil-bejgħ u għalhekk ukoll se jżidu l-impjiegi. Fl-industrija, hemm fabbriki li qed ibassru titjib fil-produzzjoni u żieda fil-ħaddiema għaliex diġà għandhom ordnijiet b’lura għal tliet xhur.
Fil-qasam tal-kostruzzjoni, skont l-operaturi, ukoll kien hemm żieda qawwija fl-attivita u wħud minnhom saħansitra għandhom xogħol b’lura għal seba’ xhur.
Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea juru kemm jeżisti sens qawwi ta’ ottimiżmu bla preċedent fost il-familji u n-negozji f’pajjiżna. Din hija xhieda tal-fiduċja li jgawdi l-programm ta’ ħidma tal-Gvern, minkejja n-negattività tal-Oppożizzjoni.
Fix-xhur li ġejjin, bit-twettiq ta’ dan il-pjan, pajjiżna se jkompli jitpoġġa fuq sisien sodi għall-futur.