Stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea juri li l-indiċi tal-fiduċja ekonomika f’Diċembru laħaq il-livell ta’ 128, żieda ta’ 4% fuq xahar qabel. Dan hu l-ogħla livell ta’ ottimiżmu qatt osservat f’pajjiżna mindu beda jsir dan l-istħarriġ.
L-istħarriġ tal-Kummissjoni, li sar fost 1,500 kumpanija u 1,000 familja fl-ewwel ġimagħtejn ta’ Diċembru juri wkoll li f’Malta hawn l-ogħla livell ta’ ottimiżmu osservat fost il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea.
Imqabbel mal-istess xahar fl-aħħar sena qabel il-bidla fil-gvern fl-2013, l-ottimiżmu hu 35% ogħla.
L-akbar ottimiżmu kompla jispikka fost l-operaturi fis-settur tas-servizzi f’pajjiżna, li jinkludu kumpaniji fis-settur finanzjarju u tal-gaming. Dawn għandhom livell ta’ kunfidenza kważi t-triplu tal-medja Ewropea. Filwaqt li l-Oppożizzjoni tgħid li hawn ħafna inċertezza f’dawn l-oqsma, mal-Kummissjoni Ewropea dawn in-negozji qalu eżatt l-oppost. Ħafna operaturi fil-qasam tas-servizzi għandhom aspettattivi aħjar għax-xhur li ġejjin, minkejja li diġà marru tajjeb fix-xhur li għaddew, u qed ibassru li se jkomplu jżidu l-ħaddiema fix-xhur li ġejjin.
Fil-qasam tar-retail, ħafna operaturi qed jistennew żieda fil-bejgħ u għalhekk se jżidu l-impjiegi. Fl-industrija wkoll hemm ħafna kumpaniji li qed ibassru titjib fil-produzzjoni u ż-żieda fil-ħaddiema fit-tliet xhur li gejjin. Fil-fatt dawn il-fabbriki qalu li għandhom ordnijiet b’lura għal aktar minn tmien xhur.
Fil-qasam tal-kostruzzjoni, il-livell ta’ ottimiżmu hu wkoll l-ogħla qatt osservat mindu beda jsir dan l-istħarriġ mill-Kummissjoni Ewropea. Skont l-operaturi kien hemm żieda qawwija fl-attività u għandhom xogħol b’lura għal seba’ xhur.
Anke fost il-familji, f’Diċembru, ġie osservat l-ogħla livell ta’ ottimiżmu mindu l-Kummissjoni bdiet tagħmel dan l-istħarriġ. Il-familji f’pajjiżna baqgħu fost il-ftit fl-Ewropa li qed jgħidu li l-qagħda finanzjarja tagħhom se titjieb.
Filwaqt li madwar l-Unjoni Ewropea jeżisti pessimiżmu fost il-konsumaturi, f’Malta hemm l-ogħla proporzjon ta’ familji li qalu li qegħdin f’pożizzjoni li jagħmlu akkwisti relattivament kbar bis-saħħa tal-qagħda finanzjarja tajba tagħhom.
Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea jixhdu s-sens qawwi ta’ ottimiżmu bla preċedent fost il-familji u n-negozji f’pajjiżna. Dan jirrifletti l-fiduċja kbira li jgawdi l-programm ta’ ħidma tal-Gvern fil-kamp ekonomiku, minkejja n-negattività tal-Oppożizzjoni.
Fix-xhur li ġejjin pajjiżna se jkompli jitpoġġa fuq sisien sodi għall-futur.