Is-Sibt filgħaxija fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta, l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż wasslu l-messaġġi tagħhom lill-poplu Malti u Għawdxi bħala parti mill-kampanja ‘Milied Flimkien.’
Fid-diskors tiegħu l-President ta’ Malta George Vella appella għall-għaqda bejn il-poplu Malti, hekk kif spjega li l-għaqda hija valur importanti għax mingħajrha l-pajjiż ma jimxix ‘il quddiem.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li wara tliet snin ta’ pandemija, wieħed qed jerġa’ jgawdi dan iż-żmien ta’ festi b’normalità sħiħa,u appella sabiex dan il-Milied ngħixuh fi spirtu ta’ għaqda nazzjonali.
Dr.Abela qal li l-isbaħ għotja li wieħed jista’ jagħti f’dan iż-żmien tal-Milied huwa li jkun ta’ wens għal persuni li għaddejin minn diffikulatajiet differenti.
Hawn, il-Prim Ministru fakkar fil-valur ta’ solidarjetà, valur li ddeskriva li huwa sinonimu ħafna mal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Prim Ministru qal li matul is-sena li ġejja, il-Gvern se jkompli jagħmel ir-riformi biex is-soċjetà tibqa’ mixja ‘il quddiem, ħaġa li tista’ ssir issir minħabba li Malta toffri ċertezza u stabbiltà.
Min-naħa tiegħu, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia spjega li f’dan iż-żmien ta’ festi, hemm diversi nies li jkunu waħidhom u saħaq li huwa d-dover tagħna li nkunu ta’ wens għal dawn in-nies.
Preżenti kien hemm ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna.