Il-Ġimgħa filgħaxija, ġie imfakkar Jum il-Vitorja, quddiem il-monument tal-Assedju fil-Belt Valletta.
Għal din iċ-ċerimonja nazzjonali, kien hemm preżenti fost l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela, l-Ispeaker tal-Parlament Dr Anġlu Farrugia u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, flimkien ma’ bosta persuni distinti oħra.
Il-Banda tal-Forzi Armati, taħt id-direzzjoni tal-Maġġur Jonathan Borg, żewqet is-serata b’mużika sinfonika mill-isbaħ.
Waqt li qabel il-Professur Joseph Borg, akkademiku u xjentist bijomediku fl-Università ta’ Malta, qasam kelmtejn tal-okkażjoni.
Fid-diskors tiegħu, Borg fakkar il-passat tiegħu fejn, f’mument emozjonanti, sellem il-memorja ta’ missieru li kien jgħidlu biex dak kollu li jagħmel barra minn xtutna jagħmlu għalih u għal Malta.
Id-diskors tiegħu kompla fuq l-iskoperta li għamel hu, meta sab varjazzjoni ġdida f’sekwenza tad-DNA. Hu żied jgħid li din l-iskoperta ried jgħaqqadha max-xjenza spazjali, kif fil-fatt għamel b’kollaborazzjoni ma’ astronawti tan-NASA, tal-JAXA, u tal-iSpaceX.
Fi tmiem is-serata, l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż poġġew il-kuruni tal-fjuri quddiem il-monument tal-Assedju.