L-ogħla awtoritajiet illum żaru lill-President ta’ Malta, George Vella u martu s-Sinjura Miriam Vella għall-awguri tal-Milied u s-Sena l-Ġdida.
Fil-Palazz Presidenzjali tal-Belt Valletta, il-President tar-Repubblika George Vella u s-Sinjura Miriam Vella laqgħu, fost l-oħrajn, lill-Prim Ministru Robert Abela, lil martu Lydia Abela u binthom Giorgia Mae.
Minbarra hekk żaru lill-President ukoll l-Arċisqof Charles Scicluna, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u martu Annemarie Grech, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, fost oħrajn.
Aktar tard imbagħad, il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia Abela kienu fil-Berġa ta’ Kastilja biex jagħtu l-awguri tagħhom wkoll lill-pubbliku inġenerali.
Minn tfal, għal adulti u anzjani, bosta kienu ħerqana jiltaqgħu mal-Prim Ministru u martu għal din l-okkażjoni sabiħa, fl-isfond tas-swali tal-Kabinett u tal-Ambaxxaturi. Minbarra hekk, min xtaq, seta’ jiffirma l-ktieb tal-viżitaturi.