Quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament, l-eks Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, Louis Giordimaina, xehed li fil-proċess tal-evalwazzjoni dwar il-proġett tal-enerġija, dik tal-Electrogas kienet l-aħjar offerta.
Qal, “Meta wieħed jikkunsidra l-evalwazzjoni li għamlu l-kumitati kollha li kellna mil-lat kummerċjali, tekniku, ċertament l-Electrogas ħarġu bħala the preferred bid.”
Fil-Kumitat Parlamentari, l-eks Kap Eżekuttiv tal-Enemalta nnota d-differenza bejn il-heavy fuel oil, li kien jintuża taħt Gvern Nazzjonalista, mal-gass LNG, li bih jaħdem il-proġett tal-Electrogas.
Meta n-naħa tal-Gvern staqsiet lix-xhud dwar l-interconnector u l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-Viċi Kap preżenti ta’ Bernard Grech, David Agius, beda jitmasħan u jgħajjat u ma ħalliex id-diskussjoni tkompli.
Ta’ min ifakkar li l-aħħar Gvern Nazzjonalista kien għolla l-kontijiet u b’hekk żied il-piż fuq il-familji. B’kuntrast, il-Gvern Laburista raħħas il-kontijiet u żammhom stabbli saħansitra waqt l-eqqel tal-pandemija u, issa, quddiem sfidi internazzjonali li qed iwasslu biex il-prezzijiet tal-enerġija jisparaw ’il fuq mal-Ewropa kollha.
Preżenti għal dan il-Kumitat min-naħa tal-Gvern kien hemm is-Segretarju Parlamentari u Whip tal-Gvern, Andy Ellul, il-Ministru Clayton Bartolo, u d-deputati Glenn Bedingfield u Alex Muscat.