L-off–roading fis-siti ta’ Natura 2000 qed iħallu ħsara kbira fl-ekosistema ta’ dawn is-siti ambjentali. Din il-ħsara qed issir partikolarment f’Selmun, hekk kif dan il-post huwa magħruf għall-off roading b’vetturi u anke muturi.
Fil-fatt rapporti ta’ nies li jkunu fl-inħawi jgħidu li raw diversi muturi għaddejjin fiż-żona bejn Selmun u l-bajja tal-Imġiebaħ fil-Mellieħa.
F’dan il-post, is-sewqan ta’ vetturi mhux permess minħabba anki t-tafal u l-pedament mhuwiex daqstant sod.
Waqt intervista ma’ ONE News, id-Direttur tal-Infurzar tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA Mario Schembri spjega t-tip ta’ ħsarat li jiġri fl-ekosistema tas-sit permezz tal-offroading f’dawn is-siti.
Schembri stqarr, “It-traġitt tagħhom joħloq trinek kbar, bħal ma rajna kemm il-darba, sew fil-ħamrija, fit-tafal fl-għoljiet tat-tafal li jeżistu. Tista’ teqred fauna li tinsab fuq il-post u anke ħxejjex u fjuri li jeżistu hemmhekk.”
Filwaqt li aċċenna li hemm tabelli f’Selmun li juru li fiż-żona inkwistjoni ma jistax isir l-off-roading, id-Direttur tal-Infurzar tal-ERA Mario Schembri qal kif il-qerda tista’ tkun direttament hekk kif il-vetturi jgħaffġu u jqaċċtu fuq dawn is-siti, filwaqt li l-ħsara tista tkun indirettament billi jinbidel l-abitat ta’ dawn il-ħlejjaq. Din tal-aħħar issir hekk kif tinqala’ l-ħamrija u t-tafal, b’dan iwassal biex dawn imorru fil-baħar.
Fil-fatt fil-post dehru ħsarat fit-tlajjiet u nżul li hemm fis-sit.
Meta jkollhom dawn it-tip ta’ każijiet, l-uffiċjali tal-ERA mal-ewwel jibdew jinvestigaw sabiex jaraw li eventwalment ma tkunx saret ħsara.
Fil-fatt in-naħa tal-Mistra, l-ERA qiegħdet bosta bollards biex ma jgħaddux vetturi lejn dan is-sit.
Schembri saħaq, “Dak kollu li nistgħu ninfurzaw min naħa tal-ERA huwa dak kollu li ttina l-liġi tal-protezzjoni tal-ambjent. Jekk m’għandekx remit, b’dik il-liġi ma tistax tinfurzah.”
L-appell jibqa’ li wieħed jista’ jipprattika l-isport u d-delizzji tiegħu iżda f’postijiet xierqa mingħajr ma jikkaġuna ħsara lill-ambjent tal-post.