Rapport li studja n-nefqa kawża tal-problema tal-obeżità f’pajjiżna matul is-sena li għaddiet, wera kif din laħqet xejn inqas minn sitta u tletin miljun ewro. Aktar minn kwart tal-popolazzjoni Maltija hija obeża u għalhekk ma kinetx sorpriża li l-istudju ħareġ b’ċifra meqjusa fenomenali.
Ir-rapport, li sar minn PricewaterhouseCoopers, innota ż-żieda ta’ persuni obeżi minn 23% fl-2002, għal 25% fl-2015.
Kienet din iż-żieda li xprunat lill-waħda mill-ikbar kumpaniji tas-servizzi f’Malta timbarka fuq proġett biex tistudja l-kawża ta’ din il-pjaga fis-soċjetà Maltija u l-prospetti għal li ġej.
L-istima tal-ispiża nazzjonali fuq l-obeżità f’Malta hija waħda konservattiva, u għalkemm il-maġġoranza hija spiża diretta, hemm ukoll spejjeż indiretti. Bħala spejjeż diretti nsibu l-kura primarja, kura speċjalizzata u l-ispiża fl-isptartijiet. Imbagħad hemm ukoll l-ispiża indiretta fejn insibu l-ispiża tas-sussidji li jagħti l-Gvern. Din tal-aħħar terġa’ tinqasam fis-settur privat u pubbliku; bil-maġġoranza tkun minfuqa mis-settur privat.
Ir-rapport wera kif l-akbar rati t’obeżità kienu rreġistrati fost dawk l-aktar avvanzati fl-età; speċjalment fost dawk li għandhom bejn 55 u 64 sena. Għalkemm iż-żewġ sessi rreġistraw żieda fin-numru ta’ persuni obeżi, in-numri wrew li l-problema teżisti l-aktar fost l-irġiel.
Quddiem dawn ir-riżultati qed tidher dejjem akbar l-isfida tal-mira tal-elfejn u għoxrin. Il-mira li kien hemm ta’ 18% ma jidhirx li nistgħu nilħquha jekk inkomplu sejrin kif sejrin issa u n-nefqa fuq bażi nazzjonali mistennija tiżdied.” 15
Filfatt huwa stmat li mill-medja ta’€97 li preżentament qed jintefqu fuq kull persuna; din l-ispiża titla għal €110 sa sitt snin oħra.
Dan ir-rapport jingħaqad m’oħrajn li wrew il-pjaga li teżisti fis-soċjetà Maltija bl-obeżità; bil-Gvern Malti għamilha priorità li teħtieġ tkun indirizzata; b’mira ewlenija fost l-oħrajn tkun li kull tifel u tifla taħt is-sittax –il sena jkunu parteċipi u attivi f’xi tip ta’ sport.