Ġudikant federali fl-istat ta’ Texas iddeċieda li parti sostanzjali mil-liġi dwar is-saħħa magħrufa bħala Obamacare tmur kontra l-kostituzzjoni. Għoxrin stat madwar l-Amerka qed jargumentaw li b’bidla fil-liġi tat-taxxa s-sena l-oħra li eliminat l-multa għax ma jkollokx assikurazzjoni tas-saħħa issa jfisser li l-liġi ta’ Obamacare hija invalida.
Għal din l-aħbar irreaġixxa l-President Amerikan Donald Trump li hu magħruf kemm kien kontra l-liġi mbuttata mill-predeċessur tiegħu, Barack Obama. “Din hija aħbar fantastika”, saħaq Trump. Trump kien ħalef li jneħħi għal kollox il-liġi t’Obama iżda minkejja li r-Repubblikani kellhom maġġoranza fil-Kamra tar-Rappreżentanti u s-Senat, il-liġi t’Obama ma spiċċatx għal kollox.