L-OASI, li taħdem bil-kbir mal-vittmi tad-droga, qed tinsisti li, fir-riforma tal-qrati tad-droga, m’għandhomx jitpoġġew limiti fuq il-Qorti meta din tiġi biex tiddikjara jekk persuna hix vittma tad-droga u għalhekk teħtieġx proċess differenti.
Kien il-Kap Eżekuttiv tal-OASI, Noel Xerri, li tkellem dwar dan fuq ir-Radju tal-Knisja.
“Aħna naħsbu li kull każ għandu jimmerita monitoraġġ aktar milli jkun hemm il-limiti. Għax meta int tagħmel il-limiti, awtomatikament qed tħalli nies ġewwa u titfa’ nies barra. Meta kull każ qed jiġi evalwat skont in-natura tiegħu tista’ tiddilja mal-każ b’mod individwali.”
Noel Xerri – Kap Eżekuttiv OASI
F’White Paper għad-diskussjoni dwar ir-riforma tal-qrati tad-droga, qed ikun propost li limiti li qed iwasslu biex ineħħu l-flessibbiltà tal-Qorti meta jkollha vittma quddiemha jitwessgħu.
Iżda, l-OASI qed tmur pass aktar. Xerri nsista li n-numri jistgħu jibqgħu kif inhuma, iżda ma jkunux meqjusin bħala limitu u għalhekk iservu biss bħala linji gwida.
Dan ifisser li kull każ ikun meqjus għalih u l-limitu jkun tneħħa għal kollox.
“Għandhom jibqgħu kif inhuma, imma jsiru guidelines mhux limits. Qed niftiehmu?!”.
Noel Xerri – Kap Eżekuttiv OASI
Dan ifisser li l-Qorti tkun tista’ taqbiżhom fuq diskrezzjoni tagħha u Xerri nsista li dan jiddependi l-każ.
Il-White Paper, proposta mill-Gvern, ma tbiddel xejn min kif inhu stmat traffikant tad-droga, bil-pieni għat-traffikar jibqgħu kif inhuma u saħansitra jwasslu għal għomor il-ħabs.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, imbarka fuq kampanja popolista fejn b’informazzjoni qarrieqa qal li l-Gvern se jżid kemm wieħed jista’ jkollu pussess tad-droga. Aktar minn hekk żied li l-White Paper kellha tiġi rtirata.
Din xi ħaġa li ebda organizzazzjoni, li taħdem mal-vittmi tad-droga, ma qalet, anzi lkoll qed jipparteċipaw fid-diskussjoni b’mod proattiv.
L-istess organizzazzjonijiet qalu wkoll li l-White Paper hi riforma li fiha diversi elementi pożittivi u importanti.