Studju tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wera li l-ekonomija kibret fl-ewwel nofs din is-sena meta mqabbel mal-istess perjodu ta’ sena ilu u fil-fatt il-Prodott Domestiku Gross kiber bi kważi sitta fil-mija.
L-NSO nnota wkoll li l-benefiċċji soċjali relatati mal-Covid naqsu fl-ewwel nofs din is-sena, meta mqabbel mas-sena l-oħra, is-sena li fiha faqqgħet il-pandemija.
Min-naħa l-oħra, skont l-NSO żdiedet in-nefqa tal-Gvern f’benefiċċji tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, anki f’kuntest li kien hemm żieda oħra fil-pensjonijiet u anki fl-għajnuna li ta l-Gvern lin-negozji b’rabta mal-pandemija u l-ħruġ ta’ rawnd ieħor ta’ vouchers tal-mitt ewro.
L-istudju tal-NSO nnota wkoll l-impatt tal-pandemija fuq it-turiżmu u għalkemm irrimarka żieda fit-turisti, in-numri xorta għadhom inqas minn dawk ta’ qabel il-pandemija.
Imbagħad kellek żieda fil-bejgħ fil-qasam tas-servizzi u nuqqas ta’ inċidenti tat-traffiku meta mqabbel mas-sena ta’ qabel il-pandemija.