In-numru ta’ turisti li żaru lil pajjiżna f’Settembru li għadda qarbu l-160,000.
Dawn fissru kważi 110,000 turist iżjed mis-sena l-oħra.
Dan skont statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika.
Biċ-ċifri tal-NSO jfisser li għall-ewwel darba wara ħafna, in-numru ta’ turisti f’Settembru jiżboq dak ta’ Awwissu meta s-soltu wara Awwissu, l-andament turistiku jibda jbatti.
Dan anki qabel il-pandemija, fejn Awwissu kien ikun l-aqwa xahar u iktar mid-disa’ xahar tas-sena.
Skont l-NSO, il-biċċa l-kbira tat-turisti żaru lil Malta għal raġunijiet ta’ btala u kważi 20% mit-turisti kienu Franċiżi u Taljani.
L-ispiża tat-turisti bejn Jannar u Settembru li għadda qabżet in-nofs biljun ewro (€566.7 miljun).
B’kollox, fil-perjodu msemmi, in-nefqa medja ta’ kull turist kienet ta’ €967, żieda ta’ kważi €300 iżjed mill-istess perjodu fis-sena li faqqgħet il-pandemija.
F’Settembru t-turist qatta’ medja ta’ kważi tmint iljieli.
Aktar minn 80% tat-turisti qagħdu f’postijiet bħal-lukandi.
Intant minn informazzjoni separata sar magħruf li f’Ottubru għaddew mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta, aktar minn erba’ mija u tmienja u għoxrin elf passiġġier.