In-numru ta’ turisti li żaru lil pajjiżna għal btala, f’Lulju tal-2022, laħqu il-273,646 filwaqt li ljieli mqattgħin f’pajjiżna ammontaw għal 2,274,414.
Dan ħareġ minn ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika hekk kif ġie spjegat ukoll li l-ispiża tat-turisti f’pajjiżna laħqet il-€275 miljun filwaqt li n-nefqa ta’ kull turist għal kull lejl f’pajjiżna laħqet medja ta’ kważi €120.9.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika nnota wkoll li fl-ewwel seba xhur tas-sena t-turisti li ġew f’pajjiżna laħħqu l-1,168,741 filwaqt li t-total ta’ ljieli mqattgħin f’pajjiżna laħqu t-8,300,000.
B’kollox f’dawn ix-xhur in-nefqa tat-turisti f’pajjiżna laħqet kważi €970.900,00 miljun.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qabbel ukoll dawn iċ-ċifri ma’ dawk tal-2019, meqjusa l-aqwa sena għat-turiżmu f’pajjiżna.
Fil-fatt, f’Lulju, pajjiżna attira 89.6% tat-turisti li ġew f’pajjiżna f’Lulju tal-2019, biex b’hekk kompla jiġi kkonfermat l-irkupru b’saħħtu ta’ dan is-settur wara l-pandemija.
L-iljieli mqattgħin f’pajjiżna fl-Lulju tal-2022 ukoll irkupraw tajjeb ħafna meta mqabbel ma’ dawk tal-2019 hekk kif intlaħqu 94% tal-iljieli li tqattgħu f’pajjiżna f’Lulju tal-2019.
L-akbar irkupru ta’ turisti f’Lulju, kien fost dawk li għandhom sa erbgħa u għoxrin sena hekk kif hawn saħansitra nqabżu ċ-ċifri tal-2019. Hawnhekk, filwaqt li f’Lulju tal-2019 ġew kważi disgħa u erbgħin elf turist, f’Lulju ta’ din is-sena ġew f’pajjiżna ’il fuq minn mitt elf turist f’din il-faxxa t’età.
It-turisti li żaru lil pajjiżna mhux għal raġuni ta’ btala ukoll irkupraw tajjeb f’Lulju tal-2022, meta mqabbel mal-istess xahar fl-2019.
Hawnhekk, pajjiżna attira 95% tat-turisti tal-2019. Dawk li għażlu li jżuru lil pajjiżna għal raġunijiet ta’ negozju jew xogħol laħqu aktar minn 90% tal-2019.