Id-dħul fil-bejgħ l-imnut u fil-bejgħ żdied b’mod konsiderevoli bejn Lulju u Settembru li għadda.
Dan meta mqabbel mal-istess xhur is-sena l-oħra.
Statistika tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika wriet li fit-tielet kwart tas-sena, id-dħul tal-bejgħ bl-imnut żdied b’sitta punt ħamsa fil-mija.
Dan filwaqt li d-dħul mill-bejgħ żdied bi kważi ħamsa fil-mija.
Id-dħul żdied ukoll b’mod notevoli fis-servizzi mogħtija fil-qasam tal-komunikazzjoni u anki fil-kummerċ u l-bejgħ tal-vetturi.
L-NSO qal li imbagħad kien hemm tnaqqis fl-attività kummerċjali marbuta mas-settur tal-proprjetà.
Intant anki l-pagi gross, is-salarji u l-ammont ta’ sigħat tax-xogħol żdiedu fit-tielet kwart tal-elfejn u dsatax.
Fil-fatt, il-pagi gross żdiedu b’nofs perċentwal, is-salarji żdiedu bi kważi tlieta fil-mija filwaqt li s-sigħat tax-xogħol żdiedu bi ftit aktar minn perċentwal.
Anki l-pagi gross, is-salarji u l-ammont ta’ sigħat ta’ xogħolijiet staġonali żdiedu b’perċentwal.
Dan filwaqt li meta t-tielet kwart tas-sena jitqabbel mat-tieni kwart tal-istess sena, iż-żidiet fid-dħul tal-bejgħ bl-imnut laħqu aktar minn għaxra fil-mija.
Żidiet qawwija oħra bejn it-tielet kwart u t-tieni kwart ta’ din is-sena ġew irreġistrati fl-attività kummerċjali fil-qasam tal-proprjetà.