Permezz ta’ skema offruta mill-Ministeru għall-Għawdex bosta għaqdiet mhux governattivi u entitajiet privati fil-gżira tat-tliet għoljiet ser jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja kemm mil-lat ta’ restawr tas-sit kif ukoll sabiex jagħmlu titjib fis-sistemi awdjo-viżivi li joffru.
Liema faċilitajiet jistgħu jwasslu sabiex jiġu organizzati laqgħat, konferenzi u esebizzjonijiet.
Il-benefiċċji jvarjaw skont kemm ikun estensiv il-proġett u għaldaqstant il-benefiċjarju jista’ japplika bi proġett maqsum f’fażijiet.
Għaqda mhux governattiva tista’ tibbenefika minn massimu ta’ €50,000, bil-Gvern ikopri 50% tal-ispejjeż relatati max-xogħlijiet.
Dan filwaqt li entità privata tista’ tgawdi minn massimu ta’ €25,000, il-Gvern ukoll ikopri 50% tal-ispejjeż relatati max-xogħlijiet.
Sabiex proġett ikun eleġibbli jrid jkun applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar fejn hu neċessarju.
L-entitajiet privati jistgħu jgawdu mill-għajnuna tal-Gvern anki jekk bdew il-proġett.
Il-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri sostna li dawn l-għajnuniet huma xhieda ta’ kemm il-Gvern ipoġġi lill-għaqdiet mhux governativi u entitajiet privati fuq il-quċċata tal-lista ta’ prijorità.
Huwa stqarr: “U għaldaqstant aħna nħarsu ‘l quddiem sabiex ikun hemm absorption tajba kemm min-naħa tal-NGOs kif ukoll min-naħa tas-settur privat sabiex ngħollu dan il-livell u mhux biss nibqgħu niffukaw fuq it-turiżmu konvenzjonali imma wkoll nibdew nittargetjaw markets u niches speċifiċi sabiex inkomplu wkoll jkollna turiżmu ta’ kwalità lejn din il-gżira.”