B’investiment ta’ miljun ewro, il-Ministeru għall-Enerġija se jgħin organizzazjonijiet volontarji sabiex jinstallaw panelli solari. B’hekk ikunu qegħdin jiġġeneraw l-enerġija f’sorsi alternattivi aktar nadifa u sostenibbli waqt li jiffrankaw mill-kont tal-elettriku.
B’kollox se jiġu installati elfejn panella solari, li ser jitqassmu bejn l-organizzazjonijiet volontarji li se japplikaw u mhux ser joħorġu ċentezmu sabiex jinvestu f’dawn il-pannelli.
Kull organizzazjoni volontarja tista’ tinstalla bejn 12 u 24 panella, skont l-ispazju li għandhom fuq il-bejt tal-post minn fejn joperaw.
Il-Kap Uffiċjal tal-Istrateġija tal-aġenzija tal-enerġija u l-ilma Sandro Lauri qal li konxji tax-xogħol siewi li jagħmlu l-organizzazjonijiet volontarji f’pajjizna, il-gvern ħass li seta’ jgħinhom b’dan il-proġett.
Lauri stqarr li “Peress li jagħmlu xogħol siewi fil-komunità u ma jistgħux jinvestu l-gvern ra l-ħtieġa li jgħinhom u jagħmel dawn il-panelli solari”.
Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi tkellem dwar l-importanza ta’ skemi bħal dawn sabiex tiġi ġġenerata aktar enerġija nadifa. Il-Ministru Mizzi fakkar fl-inizjattivi li ħa l-gvern fl-aħħar snin fosthom li raħħas il-kontijiet tad-dawl għall-familji u n-negozji, u l-qalba għall-gass tal-powerstation mill-aktar żejt li jniġġes.
Il-Ministru sostna li “Għandna diversi skemi biex dak li jkun jippromovi l-enerġija rinovabbli. Inaqqsu t-tniġġis mill-arja nilħqu l-miri li għandna”.
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema se jinfetħu fl-14 ta’ Ottubru.
Izda organizzazzjonijiet li għandhom bżonn il-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex ikunu jistgħu jibbenfikaw mill-iskema, jistgħu jġibu l-permessi meħtieġa u japplikaw f’Marzu.