L-għaqda volontarja ta’ konservazzjonisti bijoloġiċi, BICREF, kompliet taħdem fuq il-konservazzjoni fit-tul tad-dniefel u l-baleni fil-Mediterran.
Fil-fatt, l-għaqda kompliet tqajjem għarfien mat-timijiet li żaru pajjiżna għar-Rolex Middle Sea Race li saret bejn Malta, Lampedusa u Sqallija.
Din is-sena, l-ekwipaġġ tat-tim Taljan Orsa Maggiore rebaħ il-premju BICREF-RMSR għall-aqwa rappurtar ta avvistamenti waqt it-tigrija.
It-timijiet ta’ Red Ruby, Ekita, Karpo u Pata Negra ġew fit-tieni post.
F’pajjiżna din l-inizjattiva titella’ permezz ta’ kollaborazzjoni bejn ir-Royal Malta Yacht Club u l-għaqda BICREF.
L-għaqda BICREF qed taħdem mill-qrib mal-konservazzjonista, Prof Adriana Vella, f’dan il-proġett fit-tul ta’ riċerka. Dan il-proġett jinvolvi diversi kampanji intiżi biex jgħarrfu lil dawk kollha li jagħmlu użu mill-ibħra lokali u kemm lil hinn minnha dwar speċi vulnerabbli.
Transport Malta wkoll qed tikontribwixxi billi tħeġġeġ lil dawk li jużaw il-baħar biex jirraportaw dawk li jaraw fuq il-baħar, bil-għan li tkun mgħejjuna din ir-riċerka, mmexxija minn Prof Vella. Dan jista jsir permezz tas-sit: https://www.transport.gov.mt/include/filestreaming.asp?fileid=8133
Għall-aktar informazzjoni dwar il-ħidma ta’ BICREF u din ir-riċerka b’mod partikolari wieħed għandu jagħmel kuntatt mal-għaqda volontarja fuq bicref@gmail.com jew mal-Professur Vella fuq adriana.vella@um.edu.mt.