Il-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali se jagħmel tajjeb għal diskrepanzi li kien hemm fil-maratoni ġbir ta’ fondi tal-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund, id-Dar tal-Providenza u l-Caritas.
Dan wara anomalija fis-servizzi tat-telefonija li wasslet għal diskrepanza bejn l-ammont imħabbar u dak verament miġbur.
Mill-fond se jingħataw total ta’ miljun ewro. Nofs miljun se jingħataw lill-Malta Community Chest Fund, tliet mija u ħamsin elf ewro se jmorru għand id-Dar tal-Providenza u mija u ħamsin elf oħra se jingħataw lill-Caritas.
Rappreżentanti mit-tliet għaqdiet spjegaw kif dawn il-flus se jintużaw b’risq il-bżonnijiet tal-membri tagħhom.
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef qalilna, “Din is-somma ser tintuża biex kif konna ppjanajna nkomplu bil-ħidma tagħna hawnhekk fid-dar tal-Providenza imma wkoll ser nagħtu bidu ta’ proġett importanti ta’ refurbishment ta’ tliet appartamenti f’Villa Papa Giovanni.”
Id-Direttur tal-Caritas stqarr: “Dawn il-fondi ħa jmorru għas-servizzi li jagħtu għajnuna għal persuni li qegħdin f’varjetà ta’ problemi soċjali, fosthom is-solitudni, il-faqar, l-alkoħol, il-gambling.”
Stephen Mizzi mill-Malta Community Chest Fund sostna: “F’ċirkostanzi bħal dawn, l-inizjattiva li ħa l-Ministeru apprezzata mmens għaliex diġà hija problema biex tiġbor il-fondi bħalissa fi żmien ta’ pandemija. Ħa ngħidu hekk l-inizjattiva ntlaqgħet tajjeb ħafna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-NDSF, Ray Ellul spjega kif din l-għotja tgħaddi messaġġ ta’ apprezzament lill-għaqdiet volontarji li ma tħallewx waħedhom f’mument ta’ bżonn.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat spjega kif dan huwa investiment dirett f’aktar ġid għall-Maltin u l-Għawdxin minn dawn l-għaqdiet.
Huwa saħaq: “Dan huwa l-metodu tagħna ta’ kif ngħidulhom grazzi talli qed tagħmlu u qed nagħtuhom din id-donazzjoni biex ikomplu għaddejjin b’dan ix-xogħol tant siewi għas-soċjetà Maltija fil-komunità tagħna.”
Dan il-fond qed jgħin ukoll lil Puttinu Cares fi proġett ta’ ħames miljun ewro u lil Hospice Malta bi tmien miljuni oħra għal binja għall-kura paljattiva.