Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza laqgħet l-iżviluppi parlamentari li fil-prattika se jwasslu għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-isfera politika.
Spjegat kif din l-inizjattiva importanti hija żvilupp storiku fejn se tkun qed tindirizza d-defiċit demokratiku attwali minħabba r-rappreżentanza verament baxxa u persistenti tan-nisa fl-isfera politika.
L-NCPE qalet kif għal għexieren ta’ snin, Malta waqgħet lura minn pajjiżi oħra fil-bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fil-Parlament bl-aħħar statistika tal-2020 turi li r-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Malti kienet biss ta’ 13.4% meta mqabbla ma’ 32.8% tal-medja Ewropea.
Sostniet dwar il-bżonn ta’ miżuri pożittivi huma meħtieġa b’mod ċar biex ikissru l-istatus quo u jindirizzaw l-inugwaljanzi bejn is-sessi li jirriżultaw minn ostakli storiċi u strutturali li jiffaċċjaw in-nisa fis-soċjetà.
L-NCPE temmet billi qalet li tistenna bil-ħerqa li tara din l-inizjattiva ssir realtà għall-benesseri tas-soċjetà Maltija kollha.
https://www.one.com.mt/2021/01/11/dan-huwa-gvern-li-verament-jemmen-fl-ugwaljanza-il-prim-ministru1/