Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) tħeġġeġ iktar nisa biex joħorġu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Mejju 2019. S’issa madwar 30% tal-kandidati għall-Parlament Ewropew huma nisa. Għalkemm dan huwa titjib sinifikanti mill-aħħar elezzjoni ġenerali, fejn kien hemm biss 20% tal-kandidati li kienu nisa, Malta għadha ’l bogħod milli tilħaq bilanċ fil-ġeneru fil-listi tal-kandidati.
Sabiex ikun hemm distribuzzjoni ta’ poter ġusta bejn in-nisa u l-irġiel, huwa essenzjali li iktar nisa jipparteċipaw fil-proċess elettorali. Filwaqt li l-NCPE tirrikonoxxi l-ostakli li jżommu lin-nisa milli jipparteċipaw fil-politika b’mod sħiħ, tenfasizza li r-rappreżentazzjoni tagħhom fil-Parlament Ewropew se tagħti lin-nisa vuċi iktar b’saħħitha u tippermettilhom jaħdmu għal soċjetà ugwali, ġusta u aktar inklussiva. Nisa MEPs minn Malta huma rikonoxxuti għax-xogħol siewi tagħhom fi ħdan il-Parlament Ewropew.
Iktar minn hekk, nirrikonoxxu li l-elettorat Malti diġà qed japprezza l-parteċipazzjoni tan-nisa f’dan il- qasam għax, kif kien osservat minn elezzjonijiet fil-passat, in-nisa għandhom bejn wieħed u ieħor l- istess ċans daqs l-irġiel biex jirnexxu, hekk kif il-persentaġġ ta’ nisa eletti huwa ħafna drabi simili għall- persentaġġ ta’ nisa li jikkontestaw.
Il-partiti politiċi għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jinkoraġġixxu lin-nisa jipparteċipaw fl- elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ din is-sena. Għandhom jiżguraw li n-nisa għandhom aċċess ugwali għar-riżorsi u jingħataw viżibilità fil-midja, kif ukoll jirrevedu l-istrutturi tal-partit biex jindirizzaw xi ostakli diretti jew indiretti għal parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika bil-għan li jkunu mħarsa opportunitajiet ugwali għal kulħadd.
Malta għandha tistinka biex iżżomm ir-rappreżentanza ugwali ta’ nisa u rġiel membri parlamentari ewropej li hemm bħalissa, u b’hekk tikkontribwixxi għall-Parlament Ewropew b’iktar bilanċ bejn is-sessi.