Fit-tielet seduta tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament it-Tlieta, fejn l-Awditur Ġenerali reġa’ xehed dwar ir-rapport tiegħu fuq l-industrija tal-films, reġa’ ġie kkonfermat kif l-investiment, li sar mill-Malta Film Commission, qed iħalli impatt pożittiv fuq l-ekonomija lokali.
Ġie spjegat li dan isir b’diversi modi, kemm bl-ammont ta’ miljuni ta’ ewro f’ritorn li jitħalla f’pajjiżna u li hu ta’ valur miżjud, iżda wkoll għall-ammont ta’ taxxi miġburin.
Fuq rapport għall-2022, l-Awditur Ġenerali qal li l-ammont ta’ nefqa fuq ir-rebates, li kien ta’ ftit aktar minn €30 miljun, inġabret kollha, għax, f’dik l-istess sena, il-Gvern daħħal €35 miljun.
Matul dik is-sena, saru 24 produzzjoni li bejniethom ħallew Malta mas-€70 miljun. L-Awditur jgħid li din in-nefqa hi marbuta diretta mal-produzzjonijiet u, fil-fatt, l-ammont li ħallew f’Malta dawn il-produzzjonijiet kien effettivament aktar.
Kien innotat b’mod pożittiv ukoll li, fl-aħħar erba’ snin, inħolqu aktar minn 2,000 post tax-xogħol.
Fejn jidħlu proċeduri ta’ governanza, l-Awditur hu tal-opinjoni li dejjem hemm lok għal tisħiħ, bħalma jeħtieġ jissaħħaħ l-investiment governattiv fl-infrastruttura għall-films f’aktar staff għall-Malta Film Commission.