It-tmexxija kollha tal-Moviment Żgħazagħ tal-Partit Nazzjonalista, l-MŻPN, offriet r-rizenja tagħha lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli. Sorsi fil-Partit Nazzjonalista li tkellmu ma’ ONE News qalu li l-President tal-MŻPN, Joseph Grech, u l-kumplament tat-tmexxija ta’ dan il-moviment, offrew ir-riżenja tagħhom wara l-Kunsill Ġenerali li ġie fi tmiemu l-Ħadd li għadda.
L-istess sorsi qalu li r-rizenja ma ġietx aċċetata minn Clyde Puli. Is-sorsi tagħna fil-Partit Nazzjonalista qalu li r-raġunijiet li wasslu biex l-MZPN jieħu dan il-pass kienu bosta.
Raġuni ewlenija kienet li malli Adrian Delia, laħaq Kap tal-Partit Nazzjonalista beda jwarrab fil-ġenb lill-MŻPN. Fil-fatt, Adrian Delia ħoloq grupp ieħor għaz-zgħazagħ fil-Partit Nazzjonalista bl-isem ta’ Future Leaders. Is-sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalulna li zgħazagħ tal-MŻPN ħassewhom urtati kif il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia jrid iwarrab lill-MZPN. Fergħa fil-Partit Nazzjonalista li ilha mwaqqfa għal snin twal.
Iz-zgħazagħ tal-Partit Nazzjonalista kienu urtati wkoll minħabba li fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li ġie organizzat tul il-ġimgħa li għaddiet, ftit li xejn kienu ż-żgħażagħ mill-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista, li ngħataw l-opportunità li jindirizzaw lill-Kunsilliera Nazzjonalisti.
Irrabjaw ukoll hekk kif fil-Kunsill Ġenerali, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, fid-diskors tagħhom għamlu referenza għall-Future Leaders, imma m’għamlu l-ebda referenza għall-ħidma li jwettaq l-MŻPN.
Li l-MŻPN offrew ir-rizenja tagħhom hija turija ċara li l-inkwiet fil-Partit Nazzjonalista qiegħed dejjem jikber. Is-sorsi tagħna fil-Partit Nazzjonalista qalulna kemm kellu raġun il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo, li fil-Kunsill Ġenerali qal li min ma jistax imexxi daru ma jistax imexxi gvern. Botta ċara għall-Kap Nazzjonalista, Adrian Delia.