Il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, l-MŻPN, hija waħda mill-ewwel fergħat tal-partit immexxi minn Adrian Delia li ħarġet titlob lil Delia biex iwarrab.
“Il-pożizzjoni tiegħu hija evidentament mhux aktar tennibbli”, qalet il-fergħa taż-żgħażagħ leali lejn il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
L-MŻPN li ma jaħfirha qatt lil Delia talli meta laħaq hu fetaħ fergħa oħra taż-żgħażagħ leali lejh, imsejħa Team Start, kiteb fuq il-paġna tal-Facebook tiegħu li d-demokrazija mhix għażla.
L-MŻPN qal li l-allegazzjonijiet li qed jaffaċċja huma kbar u nqabad jgħid mod ieħor lill-midja u lill-partit stess dwar ir-relazzjonijiet li kellu ma’ nies, b’referenza għal Yorgen Fenech.
L-MŻPN saħaq li wara l-vot ta’ sfiduċja mhuwiex “business as usual”.
“Wieħed ma jistax ifaħħar proċess demokratiku meta jaħdem favurih u jinjorah meta ma jogħġobx lilu bħal ma rajna lbieraħ”, qal l-MŻPN li spjega wkoll li ħadd mhuwa akbar mill-partit.
Uffiċjali tal-MŻPN kienu ġabru l-firem is-sajf tas-sena l-oħra biex jitressaq vot ta’ fiduċja fost il-kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali.
Adrian Delia kien rebaħ dak il-vot.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/07/08/membri-tal-mzpn-irrabjati-li-ma-kinux-ikkonsultati-dwar-l-istqarrija-li-talbet-ghar-rizenja-ta-delia/