It-Tnejn filgħaxija, l-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista kellu jissospendi l-laqgħa minħabba li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ma kellux appoġġ fost iż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalu lil ONE News li t-Tnejn filgħaxija tlaqqa’ l-Eżekuttiv tal-MZPN, fejn kellhom jiddiskutu l-ġejjieni politiku ta’ Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Kif anki rrappurtat t-Times it-Tnejn, l-MZPN opponew rizoluzzjoni li permezz tagħha ġew imġiegħla jiddikjaraw l-appoġġ inkundizzjonat tagħhom lejn Adrian Delia.
Bl-MZPN, bħal kull kumitat sezzjonali u fergħa oħra tal-Partit Nazzjonalista, ġew imġiegħla minn dawk qrib Delia jagħmlu dikjarazzjoni li fiha jiddikjaraw li qegħdin jappoġjaw lil Delia bħala Kap.
Sorsi fil-Partit Nazzjonalista li tkellmu ma’ ONE News qalulna li t-Tnejn filgħaxija waqt il-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-MZPN bdew jibżgħu jieħdu vot għax il-maġġoranza tal-Eżekuttiv huma qrib il-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, u ma jemmnux li Adrian Delia għandu jibqa jmexxi l-Partit Nazzjonalista.
Għaldaqstant, l-MZPN imexxi minn Joseph Grech, persuna qrib Simon Busuttil, issospendew il-laqgħa, sabiex jaraw kif se jduru mal-fatt, li bilfors iridu jiddikjaraw li jaqblu ma’ Delia.
Dan għax l-affarijiet bejn l-MZPN u l-Amministrazzjoni Nazzjonalista, sejrin mill-ħazin għall-agħar, minħabba fergħa ġdida oħra fil-partit magħrufa bl-isem ta’ Future Leaders.
Tant li kif kien irrapporta ONE News f’Novembru li għadda, It-Times irraportat li tal-MZPN kienu heddew li jirriżenjaw kollha wara l-kunsill ġenerali ta’ Novembru minħabba li Delia beda jwarrabhom minħabba din il-fergħa.
Fl-aħħar ġimgħat, l-MZPN naqsu milli joħorġu stqarrija jew jagħmlu xi d-dikjarazzjoni ta’ appoġġ favur Adrian Delia.
Bis-sorsi tagħna fil-kurituri tad-Dar Ċentrali qalulna li dawk qrib Delia qegħdin jibzgħu li jerġa’ jikseb riżultat umiljanti ieħor bħal dak li kiseb mill-kumitat sezzjonali ta’ Tas-Sliema, fejn kien hemm għaxar voti kontra Delia u tliet voti biss favurih.