Il-membri fl-eżekuttiv tal-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista li fl-aħħar ġimgħat sejħu għar-riżenja tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u t-tmexxija tal-partit, qalu li mhux se jwarrbu qabel jintemm it-terminu tagħhom f’Novembru li ġej.
Il-membri tal-eżekuttiv qalu dan b’reazzjoni għal rapporti li dehru fil-midja li qalu li ż-żgħażagħ tal-MŻPN kienu se jirriżenjaw f’daqqa minħabba l-atteġġjaent ta’ nies qrib Delia fil-konfront tagħhom.
Sa mill-bidu tal-ħatra ta’ Adrian Delia bħala kap, membri tal-eżekuttiv tal-MŻPN kienu protagonisti tal-fazzjoni Busuttil b’taqtigħa iebsa kontra l-fazzjoni Delia.
Fil-fatt l-fazzjoni Delia malajr ħarġu bl-idea tat-‘team start’. Grupp ta’ żgħażagħ qrib ta’ Delia li mhux l-ewwel darba ħaduha qatta’ bla ħabel kontra esponenti tal-MŻPN.
Fil-fatt mhux sigriet kif membri tal-eżekuttiv tal-MŻPN ħaduha qatta bla ħabel kontra Delia fil-pubbliku. Fosthom Emma Portelli Bonnici li kienet waħda minn dawk li akkumpanjat lill-eks-kandidat tal-Partit Nazzjonalista, Ivan Bartolo meta ppreżenta petizzjoni titlob għal-vot ta’ fiduċja f’Adrian Delia.
Vot li wara r-rebħa tiegħu mill-fazzjoni Delia, barra d-dar ċentrali s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, reġa’ għamilha ċara li għalihom iż-żgħażagħ tagħhom huma biss tat-‘Team Start’.
Madankollu għalkemm għal darba, darbtejn, tlieta, l-fazzjoni Delia pruvat tagħlaq il-bieb lil tal-MŻPN, l-eżekuttiv bi sfida tennew fl-aħħar sigħat li se jibqgħu fil-partit għallinqas sakemm jiskadi t-terminu tagħhom f’Novembru li ġej. Dan filwaqt li qalu li se jibqgħu isemmgħu leħinhom.