Il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, il-fergħa taż-żgħażagħ tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil niedew il-kampanja sabiex Adrian Delia jitneħħa minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Filmat li tela’ fuq il-paġna tal-MŻPN, iż-żgħażagħ Nazzjonalisti, attakkaw it-tmexxija ta’ Adrian Delia.
L-MŻPN qatt ma aċċetta lil Delia bħala Kap tant li mhux darba u tnejn li din il-fergħa taż-żgħażagħ Nazzjonalista kontra Delia talbu lil Kap jirriżenja.
Filmat li tellgħu qalu li l-Partit Nazzjonalista mhux immexxi minn tmexxija serja: “Partit bit-tmexxija serja u onesta. Partit ta’ intergrità u ta’ eżempju.”
Fil-filmat li jitkellmu diversi esponenti tal-MŻPN fi stil ta’ kampanja elettorali, intqal li l-Partit Nazzjonalista jixraqlu jkollu direzzjoni.
L-MŻPN sostna: “Il-PN jixraqlu jkollu direzzjoni.”
Qalu li jridu bidla fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista: “Ejja nkunu aħna li nġibu l-bidla li tant hemm bżonn fit-tmexxija tal-PN.”
Wara li l-MŻPN tella’ dan il-filmat, Jeremy Cardona membru fl-MŻPN, qal li ma jaqbel xejn li għandhom joħorġu stqarrijiet favur u lanqas kontra it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista f’dan il-mument tant delikat, sabiex ma tibqax issir ħsara lill-istess Partit.
Qal li ftit tal-ġranet ilu is-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech ħareġ ordni sabiex l-ebda fergħa jew Kumitat ma jagħmel xi tip ta’ stqarrija li tikkonċerna is-sitwazzjoni preżenti tal-Partit Nazzjonalista.
Cardona qal li huwa se jirrispetta dik id-deċiżjoni.