Iż-żewġ unjins, li jirrappreżentaw lill-għalliema, baqgħu jagħtu verżjonijiet differenti dwar l-azzjonijiet industrijali li għaddejjin bħalissa fis-settur edukattiv u l-istrajk ippjanat għall-ġimgħa li ġejja.
Dan meta kienu qed jieħdu sehem fil-programm XTRA, fuq l-istazzjon nazzjonali.
L-MUT, li hi l-unjin li qed tinnegozja mal-Gvern, trid l-azzjonijiet u l-UPE għadha qed tgħid li mhux ċar għaliex l-MUT qed tagħmilhom u għalhekk ma tistax terfa’ responsabbiltà ta’ dan.
Saħansitra l-President tal-UPE, Graham Sansone, akkuża lill-MUT li mhux tagħmel xogħol tajjeb.
“Le. Le mhux qed tagħmel xogħol tajjeb? Le, l-MUT mhux tagħmel xogħol tajjeb.”
Ta fehma differenti kien il-President tal-MUT, Marco Bonnici, li qal li qabel l-2017, il-ftehim tal-għalliema ma kien jiskadi qatt b’detriment għall-istess edukaturi. Sostna li din kienet bidla sinifikanti li ġabet l-Unjin Maltija tal-Għalliema.
“L-aħħar ftehim li għamilna kien ftehim ta’ ħames snin. Però l-ftehim ta’ qablu kien ftehim li ma jiskadix. Din irridu ngħiduha. L-ewwel ftehim li jiskadi hu l-aħħar ftehim li għamilna li kien beda fl-2018. Qabel dak ma kinux jiskadu. Ma kien hemm ebda urġenza biex ninnegozjawh. Taħdem kontra l-impjegat.”
U n-negozjati, li rrefera għalihom Bonnici, ilhom għaddejjin numru ta’ xhur, bil-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, reġa’ tenna li l-offerta li qed ipoġġi fuq il-mejda l-Gvern hi waħda b’saħħitha, anke skont dak imwiegħed fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.
“Meta għamilna l-manifest elettorali rajna li jrid ikun hemm titjib u t-titjib irid ikun wieħed konsiderevoli. Irid ikun wieħed li jħajjar lil dak li jkun jidħol fis-sistema edukattiva. U l-proposti tagħna dejjem kienu f’dak is-sens.”
Fl-istess programm, il-Ministru Grima tenna li ma jaqbilx mal-azzjonijiet industrijali msejħa u żied li d-dispjaċir tiegħu minħabba numru ta’ azzjonijiet industrijali li għaddejjin bħalissa, fosthom dawk li qed jolqtu studenti vulnerabbli.
Hawn tkellem kif wieħed ma jistax jinjora l-ħtiġijiet partikolari ta’ dawn l-studenti, b’mod partikolari dawk b’nuqqas ta’ komunikazzjoni.
Nhar il-Ħadd li għadda anke l-Prim Ministru Robert Abela tkellem fuq is-suġġett. Sostna li l-Gvern qed jagħmel offerta sostanzjali u sakemm l-interess vera huma l-edukaturi, wieħed għandu jasal kif il-Gvern wasal ma’ ħaddiema oħrajn, fosthom l-infermieri u l-pulizija.