Quddiem dik li tista’ tkun deskritta bħala kriżi fin-numru ta’ żgħażagħ jew persuni oħra li jftixxu l-karriera ta’ għalliema, l-unjin tal-għalliema (l-MUT), qed titlob lill-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol biex iwaqqaf task force li tiddiskuti bis-serjetà dan is-suġġett.
Dan jirriżulta minn kummenti li ta’ l-President tal-MUT, Kevin Bonelli, ippubblikati fil-faċċata tal-orizzont tal-lum. Il-Fakultà tal-Edukazzjoni wkoll hija mħeġġa toffri s-sehem tagħha biex din it-task force tkun suċċess u toħroġ b’riżultati konkreti.
Fir-rapport ikompli jingħad kif fil-ġejjieni qrib se jkun hawn problema kbira ta’ għalliema fil-livell primarju. “Qed ikun previst li fis-sentejn li ġejjin id-defiċit ta’ għalliema jaf ilaħħaq il-107 għalliem,” tirrapporta l-orizzont. Qed ikun maħsub li n-numru ta’ persuni li li qed jagħżlu li jidħlu għal din il-karriera fil-primarja mhux se jkun ta’ iktar minn 13 kull sena fis-sentejn li ġejjin. Dan filwaqt li bejn dawk li jirtiraw, oħrajn promossi u oħraj li jmorru għal triq differenti ta’ kull sena qed jintilfu madwar 120 għalliem mill-klassi.