Wara l-iżviluppi fl-aħħar jiem fit-trattattivi dwar il-ftehim kollettiv tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST, u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, l-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, issospendiet id-direttivi imposti dwar l-għoti tal-marki tal-eżamijiet.
Fiż-żewġ każi, il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, innota b’sodisfazzjon l-iżblokk fin-negozjati wara diversi diskussjonijiet.
Il-Prim Ministru Robert Abela, li fl-aħħar jiem ukoll iltaqa’ ma’ numru ta’ studenti tal-MCAST, li pprotestaw dwar is-sitwazzjoni b’rabta mal-marki tal-eżamijiet tagħhom, ikkummenta dwar dan fuq il-midja soċjali.
Hu qal li, waqt li se jkomplu t-taħditiet u n-negozjar kollettiv, l-istudenti se jkunu jistgħu jingħataw dak li hu tagħhom biex ikomplu jfasslu l-futur b’serħan il-moħħ.
L-istess għamel il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima.
Il-Ħamis, l-MUT ukoll ħabbret li kkonkludiet abbozz ta’ ftehim ieħor mal-Gvern dwar is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-edukaturi fl-iskejjel u se tkun qed titlob lill-membri tagħha biex jivvotaw fuqu fl-erbgħa ta’ Lulju li ġej.