It-Tnejn li ġej se jkun jum normali ta’ skola wara li l-Union tal-Għalliema, l-MUT, ħabbret li rtirat stajk li ordnat għall-għalliema kollha fl-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u dawk indipendenti.
L-aħbar ingħatat fi stqarrija mill-MUT fi tmiem laqgħa li saret is-Sibt filgħodu bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-MUT li fiha ġew diskussi temi importanti dwar l-edukazzjoni.
Fl-ewwel reazzjoni barra l-Ministeru għalll-Edukazzjoni, il-Ministru Evarist Bartolo qal li din hija rebħa għal kulħadd.
“Wara l-maltemp jiġi l-bnazzi. Issa naħdmu flimkien biex dak li hemm bżonn jiġi solvut insolvuh u nkomplu naħdmu flimkien. mistoqsija rebaħ kulħadd”, qal il-Ministru Bartolo.
L-iżblokk bejn iż-żewġ naħat seħħ wara li l-Ġimgħa filgħaxija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni kiteb formalment lill-ispeaker tal-Kamra biex jirtira tliet abbozzi ta’ liġi dwar l-edukazzjoni.
Dan kif ġie propost waqt il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni li saret il-Ġimgħa filgħodu mal-MUT. Pass li wassal lill-President tal-MUT biex kmieni s-Sibt filgħodu jsejjaħ laqgħa b’urġenza tal-Kunsill tal-MUT.
Kien għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ dalgħodu li l-President tal-MUT deher dieħel fil-bini tal-Ministeru għal-laqgħa mal-Ministru Bartolo u uffiċjali oħra tal-Gvern li matulha ngħad li ġew diskussi temi importanti dwar l-aħħar żviluppi u t-triq il’ quddiem. Il-Ministru Bartolo sostna li dan huwa settur importanti b’bosta sfidi u li hemm bżonn nirrispettaw din il-professjoni.
“Nerġa’ nikkundana paroli żejjed, tgħajjir, żebbliħ lil din il-professjoni vokazzjonali li tant hija nobbli u naħdmu. Importanti ħafna li b’umiltà lkoll għandna x’nitgħallmu minn din l-esperjenza u nitgħallmu kif naħdmu aħjar flimkien”, qal il-Ministru Bartolo.
Min-naħa tiegħu l-President tal-MUT, Marco Bonnici qal li matul il-laqgħa sabu t-triq il quddiem dwar diversi kwistjonijiet u fiċ-ċirkostanzi kienu qegħdin jirtiraw l-azzjonijiet industrijali li kien hemm imħabbra għat-Tnejn li ġej.
“L-issue tal-warrant hija solvuta li kellna marbuta mat-taħriġ u l-profiċenza, dak il-parti tal-att ħa jkun deleted u se nerġgħu nmorru għall-att eżistenti iġifieri dik issa hija sorvolta kompletament. L-issues kollha li kellna ta’ homeschooling, licenzji etc,etc kollha dornihom hemm qbil fuq il-principju u nahsbu li hemm soluzzjoni u way forward u pjan ta’ diskussjoni biex eventawalemtn dan jerga jigi prezentat lill-Parlament”, qal is-Sur Bonnici.
L-MUT issoktat tgħid li sar pjan bi qbil mal-Ministeru sabiex l-affarijiet pendenti bejn il-Ministeru u l-Union jiġu indirizzati. B’hekk qalet li l-kwistjoniet li għandhom l-edukaturi bħalissa jibdew jiġu solvuti b’sinerġija.
B’reazzjoni għal dan l-iżvilupp, il-Prim Ministru Joseph Muscat fi tweet sostna li jħares ’il quddiem sabiex flimkien u f’għaqda jiġu riżolti l-kwistjonijiet li għad fadal pendenti.