Il-Unjin tal-Għalliema, l-MUT intalbet tirtira l-azzjonijiet li b’mod speċifiku jaffetwaw il-perkors edukattiv tal-istudenti. Dan għaliex huwa dritt ta’ kull student li jgħix ħajtu b’mod seren, waqt li jingħata edukazzjoni ta’ kwalità.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, fejn intqal li għal dawn l-aħħar tmien ġimgħat kien hemm negozjati mmexxijin mis-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-MCAST.
Intqal li l-Amministrazzjoni kkomunikat ukoll numru ta’ prinċipji u kundizzjonijiet li jiġu applikati f’kull forma ta’ negozjati f’setturi varji u ma’ unions diversi li hija obbligata tissalvagwardja.
Ġie nnotat li numru ta’ ġimgħat ilu, il-Gvern poġġa fuq il-mejda tad-diskussjonijiet dokument sħiħ li jinkludi wkoll proposti finanzjarji. Dawn il-proposti finanzjarji jirriflettu żidiet b’saħħithom, liema proposti sal-lum ma kien hemm ebda kontra proposta fuqhom.
Intqal li d-diverġenzi f’dan l-istadju mhuwiex l-aspett finanzjarju imma talbiet relatati ma’ tibdil fil-preżenza tal-letturi u ħaddiema oħra fuq il-kampus. Fuq aspetti oħra li ġew diskussi, ġie reġistrat progress tanġibbli fin-negozjati, fosthom u b’mod partikolari, fejn jidħlu l-letturi.
Fl-istqarrija, il-Ministeru qal li l-għan ta’ dawn in-negozjati huma li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Ta’ min jinnota li tul in-negozjati l-parti uffiċjali għamlet diversi talbiet sabiex jiġu rtirati d-direttivi industrijali li ilhom jaffettwaw il-ħajja studenteska. Dawn it-talbiet dejjem ġew miċħuda u sal-lum hemm reżistenza, tant li d-direttivi għadhom fis-seħħ.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Amministrazzjoni tibqa’ disposta għal aktar negozjati, meta jiġu sospiżi tali direttivi, u terġa’ tistieden lill-MUT sabiex tissospendi minnufih tali direttivi ħalli minnufih jitkomplew in-negozjati.
Sadanittant, fi stqarrija, l-MUT qalet li mhux lesta tneħħi d-direttivi imposti f’dan il-kulleġġ.