L-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, qed tinsisti li tkompli bl-istrajk li hu ppjanat li jsir it-Tnejn li ġej mill-għalliema b’rabta mal-abbozz ta’ liġi dwar l-edukazzjoni.
Dan minkejja li l-Gvern illum ħabbar li se jkun qed jaċċetta t-talbiet tagħhom u se jirtira l-abbozz ta’ liġi dwar l-edukazzjoni.
Iktar kmieni llum, il-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li minkejja l-fatt li l-liġi l-ġdida tal-Edukazzjoni ma taffettwa bl-ebda mod il-warrants tal-għalliema, u li ħadd ma qajjem din il-kwistjoni matul perjodu twil ta’ konsultazzjoni, il-Gvern kien lest li jirtira l-abbozz ta’ liġi bħala sinjal ta’ rieda tajba.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-Gvern lest li jimxi t-triq kollha mal-MUT sabiex tinstab soluzzjoni u ma jkunx hemm iktar xkiel fis-settur edukattiv.