L-edukaturi fl-iskejjel Maltin u Għawdxin bdew jirċievu notifika biex jimlew ċertu dettalji ħalli jekk jixtiequ jirċievu l-vaċċin għall-Covid-19, jibdew jitlaqqmu.
Dan skont ftehim ukoll li kien sar bejn il-Gvern u l-Unjin tal-Għalliema fil-bidu ta’ din is-sena biex il-ħaddiema fl-iskejjel ikunu ta’ prijorità fil-programm tal-implimentazzjoni tat-tilqim għall-kontra l-Covid-19.
ONE NEWS tkellem mal-President tal-MUT, Marco Bonnici li spjega kif l-MUT tinsab kuntenta b’dan l-iżvilupp importanti għall-qasam tal-edukazzjoni f’pajjiżna.
Huwa qal: “Żvilupp importanti ħafna li tħabbar tul dawn l-aħħar sigħat, l-edukaturi bdew jirċievu finalment u anke min jaħdem fl-iskejjel. Dan isegwi d-diskussjonijiet li kellna aħna sa min-numru ta’ xhur ilu partikolarment anke Jannar li għadda, u issa ovvjament qed naraw naqra l-loġistika ovvjament tagħha. Qed nibqgħu nitkellmu mal-Ministeru tal-edukazzjoni u anke mal-Awtorità tas-Saħħa, biex il-proċess ovvjament ikun ‘smooth’ u ngħinu anke bl-aħjar mod possibbli biex il-proċess ikun jista’ jsir.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana spjegat kif il-ġbir tad-dettalji tal-ħaddiema fl-iskejjel huwa pass importanti biex jibda l-proċess tat-tilqim tal-edukaturi.
Il-Ministru Caruana qalet, “Wieħed jista’ jara kif il-ħidma li saret qed tħalli l-frott għaliex issa t-‘teachers’ ser jibdew jieħdu t-tilqima u dan juri kemm aħna nivvalorizzaw il-ħidma tal-għalliema tagħna. Ovvjament issa ser jibda r-rolling out tal-vaċċinazzjoni, hemm ukoll proċess li jrid isir u qed isir ukoll b’ħidma tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, kif ukoll anke bil-kollaborazzjoni tal-MUT u l-iskejjel indipendenti u tal-Knisja.”
Intant id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ta rendikont fuq il-programm ta’ tilqim f’pajjiżna.
Qal li bħalissa qed jitlaqqmu nies ‘il fuq minn 80 sena, dawk vulnerabbli u dawk fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-imxija li mhumiex fil-qasam tas-saħħa, fosthom is-suldati.
Chris Fearne spjega li minn din il ġimgħa ħa jibdew jaslu l-ittri t’appuntament għat-tilqim ta’ ġenituri ta’ tfal vulnerabbli.
Saħaq li ħa joħroġ l-invit għat-tilqim għal persuni li se jkunu qed jakkumpanjaw persuni li ħa jsiefru biex jirċievu kura.
Fearne spjega li sal-aħħar ta’ dan ix-xahar u fil-bidu ta’ Marzu ħa jibdew jitlaqqmu anki nies li jaħmu bħala pustiera u fit-trasport pubbliku fost oħrajn.