Il-Unjin tal-Għalliema, l-MUT ikkundannat allegat att ta’ aggressjoni minn ġenitur fuq Kap ta’ skola.
Fi stqarrija l-MUT qalet li ġenitur irreaġixxa b’mod vjolenti fuq Kap ta’ skola wara li ma ħalliex studenti jipparteċipa f’ħarġa tal-iskola meta kien ma jiflaħx b’ċertifikat mediku.
Intqal ukoll li l-iskola kienet kostretta tikkanċella l-ħarġa bħala mezz ta’ prekawzjoni.
L-MUT irringrazzjat lill-pulizija għall-azzjoni immedjata tagħha.
Fl-istess stqarrija l-MUT appellat lil Gvern biex jieħu l-passi neċċessarji biex jassigura dejjem iżjed sigurtà fl-iskejjel.
“L-MUT tinsab f’kuntatt mal-Kap tal-iskola u l-edukaturi fl-iskola inkwistjoni u offriet kull appoġġ”, temmet tispjega l-istqarrija tal-unjin tal-għalliema.
B’reazzjoni, il-Ministeru għall-Edukazzjoni kkundanna inċidenti li jseħħu minn terzi fuq gradi tal-għalliema fl-iskejjel. Qal li anke jekk rari, għall-Ministeru kull każ li jseħħ hu kundannabbli u mhux difensibbli.
Qal li l-Ministeru jinsab għaddej bi proċess li permezz tiegħu se jiddaħħlu uffiċjali ta’ sigurtà u akkoljenza fl-iskejjel tal-Istat flimkien ma’ miżuri oħrajn f’dan is-sens.
Il-Ministeru qal li hu kommess li permezz ta’ din il-ħidma jiġu indirizzati dawn il-bżonnijiet sabiex każijiet bħal dawn ma jerġgħux jirrepetu ruħhom.