L-Unjin Maltija tal-Għalliema ma rtiratx id-direttivi minkejja li l-MCAST ħallset dak kollu li kien dovut lill-għalliema tagħha, fosthom emendi tas-salarji, arretrati u allowances.
L-MUT kienet ħarġet numru ta’ direttivi fil-konfront tal-MCAST, fosthom li ma jippublikawx riżultati tal-eżamijiet.
Dwar din id-direttiva l-istudenti kienu heddu li jistrajkjaw minħabba l-inċertezzi li d-direttiva hekk iġġib magħha.
F’kummenti li ta lill-ġurnal The Malta Indipendent, id-Deputat Prinċipal tal-MCAST Philip Vella qal li l-MUT ma stennietx li l-kulleġġ kien se jonora l-obbligi kollha tiegħu iżda tenna li l-MCAST kienet u għadha impenjata li tagħmel dak kollu meħtieġ għall-ġid tal-istudenti u l-għalliema kollha.
Vella sostna li l-MCAST ma kellhiex problemi mal-MUT iżda issa qed tistenna li għall-ġid tal-istudenti, jobbligaw il-ftehim tagħhom u jwaqqfu d-direttivi l-oħra.
Huwa qal li minkejja li mhux qed jittieħdu attendenzi nhar it-Tnejn li ġej l-istudenti kollha li huma eliġibbli għal stipendju se jirċivuh fl-intier tiegħu.
Vella qal ukoll li waqt laqgħa li kellu mal-Kunsill tal-istudenti saħaq li l-amministrazzjoni kienet miftuħa għad-diskussjoni dwar kumpens lill-istudenti minħabba r-riżultat tad-direttivi.
Huwa fakkar ukoll kif il-proċedura tal-MCAST hija ta’ open door, għalhekk kull min ghandu xi ilment jew mistoqsija huwa mħeġġeġ sabiex jitkellem mal-amministrazzjoni tal-kulleġġ u tal-istituti rispettivi.